Dik ta’ l-Erbgħa filgħodu kienet għodwa mimlija emozzjonijiet għal studenti, ġenituri u l-edukaturi.
Tliet xhur u nofs wara li l-iskejjel għalqu l-bibien, dawn reġgħu fetħu, l-btieħi tal-iskejjel reġgħu bdew jaraw l-attività bil-logħob tat-tfal, il-klassijiet mimlija ħajja u ma naqasx ukoll l-għajjat u l-ilħna hienja tat-tfal.
Mill-jum tal-Erbgħa reġgħet bdiet Skolasajf, ħmistax-il jum qabel is-soltu u fi tmiem l-ewwel jum ta’ Skolasajf ta’ din is-sena morna nilqgħu lit-tfal tal-iskola primarja ta’ Raħal Ġdid fi ħdan il-Kulleġġ San Ġorġ Preca.
It-tfal ma qagħdux lura milli jesprimu l-eċċitament li ħassew meta raw lil sħabhom wara żmien twil ikellmuhom fuq l-aġġeġi li ħallew warajhom id-dar fuq is-sufan.
Għal edizzjoni ta’ Skolasajf ta’ din is-sena qed jattendu sebat’elef tifel u tifla.
Il-prekawzjonijiet importanti fl-iskejjel ma naqqsux u hemm aktar minn elf u sitt mitt ħaddiem li qed jaħdmu f’dan il-programm edukattiv sajfi.
It-tfal qalulna kif qattgħu l-ewwel ġurnata tal-iskol sajf.
“Għamilna l-crafts u morna barra lgħabna u vera ħadt pjaċir illum, għax illum kienet l-ewwel darba ukoll.
L-ewwel morna fil-klassi imbagħad morna nilagħbu fil-bitħa, lgħabna dodgeball u football, imbagħad rajna film.”
Ma naqasx ukoll li student isemmilna edukatur partikolari li diġà ħalla impatt fuqu f’esperjenza edukattiva sabiħa.