L-Erbgħa filgħodu eluf ta’ studenti rritornaw fuq il-bankijiet tal-iskola, wara x-xhur sajfin.
B’kollox madwar 36,000 student attendew fl-iskejjel tal-istat.
Madwar 22,000 student qed jattendu skejjel tal-primarja, filwaqt li ftit inqas minn 13,000 student qed jattendu fl-iskejjel sekondarji tal-istat madwar pajjiżna.
Fl-ewwel jum tal-iskola, f’Bormla beda proġett pilota magħruf bħala ‘school grannies’.
Dan hekk kif minflok pulizija madwar l-iskejjel ta’ Bormla se jkun hemm anzjani li jagħtu sehemhom fil-komunità.
Fl-ewwel jum tal-iskola, stajna ninnutaw lil dawn l-anzjani jagħtu maskra lit-tfal ta’ din il-belt.
Tkellimna ma’ żewġ anzjani li esperimew is-sodisfazzjon tagħhom dwar dan il-proġett pilota.
Emanuela Zerafa qaltilna, “Għalina din hija xi ħaġa sabiħa, li aħna l-anzjani ngħinu lit-tfal tal-komunità tagħna u nieħdu gost, għalkemm il-pandemija għadha għaddejja. Naraw it-tfal deħlin u dik l-għan tagħna narawhom deħlin ferħanin mal-qraba tagħhom.”
Dan filwaqt li Thomas Gatt stqarr, “Naħseb tkun xi ħaġa ġdida, sodisfazzjon li wara ż-żmien li għamilna naħdmu nagħtu xi ħaġa lura lis-soċjetà żagħżugħa.”
It-tfal li rritornaw lejn l-iskola sabu sorpiriza sabiħa, hekk kif kien hemm personaġġi lebsin ta’ karattri tat-tfal.
It-tfal li tkellimna magħhom kienu eċitati li se jiltaqgħu lura ma’ sħabhom u l-għalliema l-ġodda tagħhom.
Għat-tieni sena konsekuttiva, l-istudenti u l-edukaturi qed isegwu mal-protokolli tal-awtoritajiet tas-saħħa f’rabta mal-pandemija.
B’differenza għas-sena skolastika li għaddiet, maġġoranza tal-istudenti li għandhom bejn tnax u ħmistax-il sena tlaqqmu wkoll għal kontra l-Covid-19.
Skont l-aħħar figuri ppublikati skont il-Ministeru għall-Edukazzjoni hemm 73% ta’ dawn l-istudenti li huma mlaqqma kompletament. Filwaqt li aktar minn 85% tal-istudenti kif għandhom ‘il fuq minn sittax-il sena huma wkoll kompletament imlaqqma.
Għal din is-sena skolastika żdiedu wkoll il-klassijiet sabiex ikunu rrispettati l-protokolli tal-awtoritajiet tas-saħħa.
Il-Kap tal-Iskola Primarja ta’ Bormla qalet kif l-iskola kienet preparata sabiex tilqa’ lill-istudenti.
Marion Falzon irrimarkat, “Aħna ħdimna bil-perċezzjoni illi ħa nkunu kif konna. Allura meta ħarġu l-Health Regulations u veru ma kienx hemm tibdil kbir, nista’ ngħid li konna diġà lesti. Ma kellniex affarijiet pendenti, l-iskola kienet lesta kemm fiżikament jiġifieri, kemm dwar indafa, dwar riżorsi, materjali li għandna bżonn, kellna kollox in place kmieni, ħa ngħid hekk.”
Intant tul din il-ġimgħa wkoll madwar 17,000 student irritornaw lejn l-iskejjel tal-Knisja madwar pajjiżna.