Ir-rettur tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir tal-Belt, Patri Aaron Zahra, qal lil ONE News li t-tmiem tal-impjieg tal-eks surmast tal-iskola, Mario Mallia, ma kellu x’jaqsam xejn mal-prinċipji li mexxa bihom, inkluż dak tal-inklużjoni.
Huwa sostna li t-tmiem tal-kariga ta’ Mario Mallia bħala Kap tal-Iskola kien jorbot fuq responsabbiltajiet li kienu ilhom jakkumulaw u li baqgħu ma ġewx solvuti.
Ir-rettur tal-Kulleġġ qal li hu kellu diversi laqgħat ma’ Mario Mallia, anke waqt il-pandemija, iżda rrimarka li kien hemm ċerti affarijiet li hu u l-bord tal-kulleġġ ma kinux jafu bihom.
Dwar ‘MEET’, li kienet inizjattiva biex tissawwar komunità inklussiva u diversa bi tfal ta’ kull tip, ir-rettur tal-Kulleġġ qal li dan is-suġġett faqqas waħdu mingħajr l-ebda konsultazzjoni.
Ir-rettur qal li hu impenjat li l-Kulleġġ San Albert il-Kbir jibqa’ jiftaħ il-bibien tiegħu għal kulħadd.