F’intervista l-Ħadd filgħodu l-Prim Ministru ta direzzjoni għal min iressaq il-proposti tiegħu għal Wied il-Għajn.
Huwa qal kif s’issa m’hemm xejn ċert iżda hemm biss sejħa għall-ideat.
Il-Prim Ministru qal li hemm bżonn investiment f’Marsaskala sabiex jingħata iżjed valur liż-żona.
Qal li madankollu hemm sett ta’ prinċipji li jridu jiggwidaw lil kull min ser ikun qed imexxi ’l quddiem l-ideat tiegħu għal dan il-proġett.
Dr Abela qal kif l-ewwel punt kruċjali huwa l-aċċess għall-bajja li għandu jibqa’ garantit.
Il-Prim Ministru kien ċar u qal kif il-partijiet fejn illum isir l-għawm ma jistgħux ikunu mittiefsa.
Il-Prim Ministru innota madankollu kif bħalissa hemm problema li meta jkun hemm grigalata issir ħerba sħiħa.
Qal li bħalissa qegħdin fi proċess ta’ konsultazzjoni.
Huwa qal kif kull min mar il-protesta fuq dan il-proġett qed jinstema’ minn dan il-Gvern u għalhekk hemm bżonn ta’ diskussjoni sabiex id-deċiżjoni tkun iffurmata tajjeb u li tqis l-aspetti kollha.