Wara ħidma intensiva li ħadet xejn anqas minn 13-il sena, ġie inawgurat proġett ta’ restawr estensiv fil-Kripta tal-Gran Mastri tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann.
Il-kripta tinsab eżatt taħt l-artal maġġur tal-Konkatidral ta’ San Ġwann. Fiha hemm midfuna l-ewwel 12-il Gran Mastru tal-Ordni tal-Kavallieri fosthom il-Gran Mastru Jean de La Vallette, il-Gran Mastru l’Isle Adam li ġab l-Ordni f’Malta u L’Evesque de la Cassiere li ordna l-bini tal-Kon Katidral.
Ix-xogħol ta’ restawr fil-kripta fuq inizijattiva tal-Fondazzjoni tal-Kon Katidral beda wara studju xjentifiku li ddettermina l-livell tal-melħ u l-umdità fil-kripta u b’hekk ġiet identifikata l-kawża tal-ħsara.
Fl-inawgurazzjoni tal-proġett li jinkludi wkoll aċċess ġdid għall-viżitaturi, crew ta’ ONE News daħal fil-kripta fejn ilhom midfuna l-Granmastri għal mijiet ta’ snin.
Il-kuratur tal-Fondazzjoni tal-Kon-Katridal ta’ San Ġwann Cynthia De Giorgio qalet li x-xogħol kien jeħtieġ attenzjoni kbira minħabba s-sensittività tal-post. Hija spjegat: “Il-Kripta kellha tingħalaq biex nagħmlu t-testijiet xjentifiċi li domna qisu xi sena biex ikollna biżżejjed informazzjoni biex infasslu pjan tar-restawr. Wara dak stajna niddentifikaw il-materjali li kellna bżonn nużaw u beda l-proċess ta’ tindif u r-restawr tal-monumenti.”
Qalet li l-proġett inkluda sistema li tikkontrolla l-ventilazzjoni u l-umdità fil-Kripta sabiex tinżamm fl-aqwa stat għall-mijiet ta’ snin li ġejjin. Spjegat li l-arja fil-Kripta qed tidħol b’mod ikkontrollat minn toqob kbar sabiex tibqa’ tinżamm b’temperatura kostanti.
Is-Sinjura De Giorgio tenniet: “Il-livelli huma 70% umdità u 20 grad temperatura li fin-natura ma ssibhomx dawn u l-għan huwa li ma jinxifx u jixxarrab il-ħajt. Hemm erba’ ducts. Tnejn minnhom jiġbdu l-arja u tnejn minnhom jitfgħu l-arja u hija sistema kompletament kontrollata u llinkjata mal-kompjuters tagħna tal-uffiċċju li l-ħin kollu jagħtuna l-livelli u l-kundizzjonijiet tal-Kripta.”
Hija żiedet tgħid li flok il-kanċell quddiem il-Kripta, sar bieb li minnu l-pubbliku jista’ jara b’iktar kumdità din il-ġawrha fil-qalba tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann: “Sfortunatament in-nies ma jistgħux jidħlu u joħorġu. Ovjament inti kif jidħlu n-nies jibdew jinbidlu t-temperatura, l-umdità anke l-fatt li jkollok il-bieb miftuħ però ħaġa unika wkoll fassalna bieb ġie ddisinjat apposta bi platform biex dak li jkun viżitatur jista’ jinżel, jittawwal u jieħu informazzjoni sew fuq il-kripta xorta.”
Il-proġett b’nefqa ta’ nofs miljun ewro, ġie inawgurat mill-Arċisqof Charles J. Scicluna u l-Ministru għall-Kultura Jose Herrera.









