Qabel mal-Unjin tal-Għalliema, l-MUT, fetħet il-każ quddiem it-Tribunal Industrijali f’isem Mario Mallia, li tkeċċa minn Kap tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir tal-Belt, l-eks Kap tal-Kulleġġ qal li tkeċċija tiegħu hija waħda inġusta u illegali.
Mallia, li kien ilu surmast ta’ din l-iskola tal-Knisja għal 16-il sena, qal li taħt it-tmexxija tiegħu fl-iskola kienet qed tissawwar komunità inklużiva u diversa, bi tfal ta’ kull tip, ta’ reliġjonijiet u orjentazzjonijiet differenti, u anki ta’ ġeneri differenti.
Huwa qal li għal dan il-għan ittieħdu diversi inizjattivi, li waħda minnhom kienet tinvolvi l-ħolqien ta’ kultura ta’ tlaqqigħ permezz ta’ spazju apposta fil-kurrikulu li kien jismu ‘MEET’.
Permezz ta’ dan l-ispazju, studenti minn reliġjonijiet differenti setgħu jiltaqgħu u jiddiskutu x’jagħmilhom differenti u jitgħallmu jirrispettaw dawn id-differenzi.
Mario Mallia lmenta li r-Rettur u l-Bord tal-Kulleġġ iddeċidew li jwaqqfu dan is-suġġett, li ilu hemm sentejn.
Huwa qal li l-Bord, li twaqqaf wara li kien iddaħħal dan is-suġġett, qallu li ma kienx jaf bis-suġġett.
Mallia qal li, f’ittra li bagħatlu l-Provinċjal, intqal li waħda mir-raġunijiet għaliex tkeċċa hija għaliex dan il-kurrikulu kien kontra dak li taħseb il-Provinċja Dumnikana dwar il-komunità.
Għalhekk, Mallia staqsa jekk il-Provinċja Dumnikana u l-Papa Franġisku għandhomx l-istess ideat.
ONE News talab ukoll għal kumment tar-rettur tal-Kulleġġ, Patri Aaron Zahra, u qed jistenna risposta min-naħa tiegħu.