&
Bħall kull ħaġa oħra s-Sajf jinsab lejn tmiemu u xejn ma jimmarka iktar tmiem dan l-istaġun mill-bidu ta’ sena skolastika ġdida. Hekk kif mill-ġimgħa d-dieħla bosta tfal jibdew sena skolastika ġdida, l-ġenituri jibżgħu iġibu t-tfal fejn il-baħar, għaliex jibżgħu li jieħdu xi xemxata u jitilfu l-ewwel ftit ġranet ta’ sena skolastika ġdida. Madankollu llum hekk kif it-temp ippermetta bosta ġenituri ħadu ċ-ċans li jgawdu l-aħħar qatra tas-Sajf u jiġu hawnhekk fuq xi bajja madwar Malta.
Flimkien mad-dilettanti tad-dgħajjes li gawdew il-baħar kalm qabel jibda l-maltemp, fuq il-bajjiet kien hemm ukoll tfal u żgħażagħ li kienu qed igawdu l-aħħar ġurnata fejn il-baħar qabel isibu ruħhom lura fuq il-bank tal-iskola.
Bosta kienu kuntenti li wara Sajf igawdu u jixxalaw issa se jiltaqgħu lura ma sħabhom u mal-għalliema. Madankollu kien hemm oħrajn li s-Sajf kien staġun bħall-oħrajn, u li għalihom il-ħajja se tkompli b’mod normali.
Bħall-ħarsa ta’ ġuvni u tfajla wara li jagħtu l-aħħar bewsa lil xulxin qabel jitbiegħdu għal tul ta’ żmien, hekk ħarsu t-tfal lejn il-baħar, li issa qed iħarsu lejn l-avventura skolastika li jmiss u jistennew b’entużjażmu l-istaġun tas-Sajf li ġej.