Id-dinja tgħallmek aktar minn imgħallmek.
Mary Agius, xiħa għakka iżda tiftakar kull detall f’età venera ta’ 100 sena għadha mhux biss luċida iżda mimlija ħajja. Dan l-istazzjon żar lil Mary li twieldet fl-istess sena meta seħħew l-irvellijiet tas-Sette Giugno, ġewwa l-isptar Paul Boffa fil-Furjana.
Imdawra bi qrabata qaltilna li qed tħares ‘il quddiem biex tgħix iżjed. Meta kienet mistoqsija kif qed tħossha issa li għalqet 100 sena, hija qaltilna: “Uuuu qed nieħu pjaċir sewwa, għax tkun għext 100 sena fihom sew hux. Imma msomma l-Bambin tani l-għajnuna u mxejt. Issa n-numru ma nafhomx, jekk m’hemmx xi mija oħra.”
Ġejja minn familja ta’ sitta, hi kienet il-kbira.
Qaltilna li l-irbit qatt m’għoġob lilha u lil ħutha hekk kif kien wieħed biss minn ħutha li qal is-signor si.
Iżda l-fatt li baqgħet xebba ma ħassitx li għandha xi ħaġa nieqsa u spjegat kif wara kważi nofs seklu tgħix qalb iż-Żabbarin tbegħdet mhux ħażin.
“Domt sa 48 sena Ħaż Żabbar, mbagħad mort l-Awstralja, jiena u oħti u għamilna 15-il sena hemmhekk. Mbagħad ġejna hawn u morna Raħal Ġdid. Mir-Raħal Ġdid ġejt hawn”, tenniet Mary.
Ma setax jonqos li ssemmilna meta Malta kienet taħt in-nar.
Mary kompliet tgħid: “Ninżlu għax-xelters, xejn speċjali, kelli fuq l-għoxrin dak iż-żmien. Konna noqgħodu l-Furjana, għax l-Furjana kien hemm wieħed bil-ħanut, tax-xorb u ħaffer u l-Gvern ħadulu għall-kullħadd u konna mmorru fix-xelter isfel.”
Bil-qraba juru rispett liema bħalu tant li għajnejhom żebbġu bl-imħabba lejn Mary li llum għalqet 100 sena, hi kompliet tirrakkonta fuq elf ħaġa.
Irtokkjata u fuq tagħha, Mary għadditielna messaġġ sempliċi li tassew għandna nixtarru jekk irridu ngħixu ħajjitna fil-milja tagħha: “Kullħadd jieħu paċenzja, meta jiġi, alla jitolbok ma tagħmel ħsara lill-ħadd u l-kumplament l-bambin jaf hux veru.”