Il-Pakkett ta’ Fondi għall-Irkupru u Reżiljenza ta’ Malta, li huwa parti minn Next Generation EU huwa ta’ tliet mija u sittax-il miljun ewro.
Iżda b’kollox dan il-Pjan tal-Gvern Malti se jkun qed jiswa tlett mija u ħamsa u erbgħin miljun ewro.
Dan hekk kif il-Gvern Malti se jkun qed iżid disgħa u għoxrin miljun ewro ma’ dawn il-fondi Ewropej.
Dawn il-fondi Ewropej għall-pajjiżna huma għotja u l-ebda parti minnhom m’huma self, bħal każijiet ta’ membri stati oħra fl-Unjoni Ewropea. Permezz ta’ dawn il-fondi Ewropej se jsiru sebgħa u erbgħin (47) miżura, bi tletin (30) riforma u sbatax-il investiment.
L-akbar parti minn dawn il-fondi Ewropej se jmorru sabiex jindirizzaw il-bidla fil-klima u l-ambjent.
Il-miri tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-ambjent għal kull pajjiż huma ta’ sebgħa u tletin fil-mija minn dawn il-fondi, iżda fil-pjan ta’ Malta dan huwa erbgħa u ħamsin fil-mija.
Sittin miljun ewro minn dak il-pakkett ta’ fondi se jintefqu sabiex issir tranżizzjoni għall-enerġija rinovabbli f’binjiet privati u pubbliċi.
Waqt li erbgħa u tletin miljun ewro se jmorru sabiex il-flotta tat-trasport pubbliku teqleb għal dik bl-elettriku.
It-tieni l-akbar settur ta’ dan il-Pjan ta’ Rkupru minn Fondi Ewropej huwa sabiex issir il-qalba diġitali.
Hawnhekk il-pjan ta’ pajjiżna se jinvolvi kwart minn dan, waqt li l-mira tal-Unjoni Ewropea kienet ta’ għoxrin fil-mija.
Dan se jwassal biex issir qalba diġitali fl-amministrazzjoni pubblika u fis-servizzi pubbliċi, b’investiment ta’ erbgħa u tletin miljun ewro.
Waqt li ħmistax-il miljun ewro (€15-il miljun) se jmorru sabiex issir it-tranżizzjoni diġitali tal-intrapriżi Maltin. Din il-qalba diġitali se tgħin biex ikun hemm il-qalba diġitali fis-servizz tas-saħħa u anke fil-Qrati Maltin.
Setturi oħra li se jgawdu minn dan il-fond, se jinkludi l-edukazzjoni, sabiex ikun hemm dawk inqas li jitilqu kmieni mill-iskola u anke għall-iktar edukazzjoni inklussiva.
Mill-fond se jgawdu wkoll setturi bħas-saħħa filwaqt li mistenni jkompli jissaħħaħ is-settur tax-xogħol.
F’dan tal-aħħar ħa ssir strateġija tax-xogħol għall-ħaddiema anzjani u dawk l-adulti li għandhom ftit kwalifiċi.
In-Next Generation EU se jwassal biex fi żmien ħames snin jikber il-Prodott Domestiku Gross b’wieħed punt wieħed fi-mija.
Dan il-pjan ta’ Malta kien tressaq quddiem il-Kummissjoni Ewropea u l-Ħamis formalment ġie approvat.
Issa l-pass li jmiss huwa li fi żmien erba’ ġimgħat, dan il-Pjan imur quddiem il-Kunsill Ewropew sabiex jiġi approvat u hemmhekk ikun iffirmat il-ftehim bejn il-Gvern Malti u l-Unjoni Ewropea.
ARA WKOLL:
https://www.one.com.mt/2021/09/16/il-ke-tapprova-l-pjan-ta-rkupru-ta-malta-u-tfissru-bhala-l-aktar-wiehed-ambjentali-fl-ue/