Hekk kif ftit tal-jiem ilu tħabbar li rekluti ġodda u uffiċjali ġodda tal-Pulizija issa jista’ jkollhom tpinġijiet fuq dirgħajhom u fuq riġlejhom, u dawn ikunu jistgħu jitħallew mikxufin, ġejna naraw is-sentiment tan-nies dwar dan kollu.
Meta staqsejna jekk jaqblux mat-tibdil li tħabbar, il-maġġoranża ta’ dawk li tkellmu magħna qalu li jaqblu. Madankollu, kien hemm uħud li kienu daqsxejn xettiċi għar-regoli l-ġodda.
Ir-regoli aktar moderni dwar it-tpinġija se jkunu regolati permezz ta’ bord fil-Korp tal-Pulizija stess. Dan ma jfissirx li kull tpinġija hija aċċettata.
Fil-fatt, tpinġija fuq il-wiċċ, fuq l-għonq u fuq il-pala tal-id huma projbiti ħlief għal raġunijiet mediċi, filwaqt li tattoos espliċiti, vulgari, marbuta mal-politika jew mad-diskriminazzjoni, jew tpinġija oħra kontra l-linji gwida ġodda huma projbiti wkoll.
B’hekk, tpinġija li tkun skont il-linji gwida mhux se jkun hemm l-obbligu li titgħatta.
Bosta kienu dawk li qablu għal kollox ma’ kif saru r-regolamenti l-ġodda u saħqu li għandu jibqa’ r-rispett lejn l-uniformi. Madanakollu, argument komuni fost il-pubbliku huwa li t-tpinġija m’għandhiex taffettwa l-kwalità tax-xogħol tal-uffiċjal, dejjem jekk dan isir b’rispett.
Sentiment komuni fost dawk li tkellmu magħna kien apprezzament lill-uffiċjali tal-Pulizija għad-dedikazzjoni li bihom iwettqu xogħolhom.