L-għada li l-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li l-maskra trid tintlibes kullimkien u l-ħin kollu, crew ta’ ONE News staqsa x’jaħseb il-pubbliku dwar dan.
Waqt mawra sal-Belt Valletta bosta qalu magħna li din hija miżura pożittiva, maħsuba biex tipproteġina lkoll.
Xi nies li tkellimna magħhom qalulna: “Ija neċessarju għax qed tikber il-virus qed jikber u għas-saħħa tagħna u għall-kulħadd hu. Il-poplu jrid jagħmel il-dak tiegħu biex nippruvaw innaqsu. Il-Gvern qed jagħmel dmiru u aħna rridu nagħmlu dmirna lkoll.”
“Ħaġa sewwa hu, biex tipproteġi ruħek u lil ħaddieħor hux.”
“Mhux aħjar jew, protezzjoni hux. Għal kulħadd hux.”
“Mela le, l-aħjar li hemm għax bil-maskra dejjem trid tikkaverjah il-virus. Jekk kulħadd jilbes il-maskra almenu.”
Kien hemm dawk qal li din kienet miżura tajba, iżda huma kienu diġà qed jilbsu l-maskra kullimkien:
“Iva ħafna. Jien ħa ngħidlek mindu bdejt nilbisha, mill-bidu tal-pandemija ma neħħejtha qatt il-maskra, kuljum”
“Aħjar hux, xi ħaġa tajba. Aħna ġa konna qed nilbsuha. Għax qed tinxtered ħafna, imma jien naħseb li l-Gvern qed jagħmel minn kollox biex jikkontrolla l-ħaġa.”
Kienu bosta li komplew jisħqu magħna li din il-miżura hija tajba:
“Tajba hu. Issa la ħarġet id-direttiva lbieraħ ikolla nilbsuha, nipproteġu lil ta’ ħdejna, lil tal-familja u lil kulħadd.”
“Naħseb tajba.”
“X’taħseb mhux aħjar, ħalli nkunu safe.”
“X’taħseb li għandha tintliebes kullimkien hu, tajjeb, ħaġa tajba. Għaliex għax tilqa’, xi naqra tilqa’, minn wieħed għall-ieħor.”
Kien hemm min qalilna wkoll li l-maskra għandha tintliebes ġewwa iżda m’għandiex tkun barra wkoll, huma qalulna:
“Miżura tajba fl-affarijiet l-oħrajn li trid tintliebes fil-ħwienet u tixtri biha u tidħol ġo stabbiliment biha, ijwa naqbel, imma barra mhux għalxejn, qed nilbsuha barra. Timxi biha trid, taqtalek nifsek kważi din u l-visor mhux tajba qed jgħidulek ukoll. L-Italja u l-pajjiżi biha qegħdin u xorta għandhom il-kwantità ta’ viruses, dik li ngħidlek.”
Fil-Belt innutajna wkoll il-preżenza tal-Pulizija sabiex jiġbdu l-attenzjoni ta’ dawk li ma kienux lebsin il-maskra.
L-appell tagħhom jibqa’ wieħed: li kulħadd iżomm ma’ dak li jgħidu l-Awtoritajiet tas-Saħħa.