Is-suġġett tal-enerġija kien wieħed prinċipali fid-diskors tal-Istat tal-Unjoni li għamlet il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen.
Ftit sigħat wara d-diskors ta’ von der Leyen, fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu saret konferenza tal-aħbarijiet mill-Kummissjoni Ewropea sabiex tispjega l-miżuri tal-enerġija li ġew proposti.
Dawn il-miżuri qed ikunu proposti mill-Kummissjoni fl-eqqel tal-kriżi tal-enerġija.
Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans qal li fost il-proposti hemm dik sabiex l-istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea jnaqqsu l-enerġija b’ħamsa fil-mija fis-sigħat meta l-aktar li tintuża.
Il-Kummissjoni pproponiet li d-domanda għall-elettriku titnaqqas minn tal-inqas b’għaxra fil-mija sal-aħħar ta’ Marzu li ġej.
Huwa spjega li dan se jwassal biex il-kontijiet tal-enerġija għall-familji Ewropej se jkunu rħas.
Proposta oħra tal-Kummissjoni Ewropea hija dik li l-istati membri jiġbru l-profitt żejjed li nġabar waqt il-perjodu tal-gwerra fl-Ukrajna. B’dawn il-fondi se jkunu qed joħduhom il-konsumaturi u l-familji Ewropej sabiex jitpattew għall-għoli fil-kontijiet.
Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Timmermans qal li għadda ż-żmien il-fjuwils fossili u semma wkoll li l-istaġuni li jmiss tax-xitwa se jkunu iebsin kawża tal-gwerra fl-Ukrajna.
Huwa qal li l-istati membri għandhom riserva ta’ gass ta’ 84%, sabiex il-familji Ewropej ikunu jistgħu jsaħħnu djarhom matul ix-xhur kesħin tax-xitwa.
Min-naħa tagħha, il-Kummissarju Ewropew responsabbli mill-Enerġija, Kadri Simson qalet li se jkunu l-membri stati li jiġbru l-profitti, li se jagħmlu din is-sena, mingħand il-kumpaniji tal-enerġija.
Dwar il-prezz massimu tal-gass, il-Kummissarju Simson qalet li għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet u semmiet ukoll li l-Ministri tal-Enerġija tal-Unjoni Ewropea se jkunu qed jiltaqgħu għal-laqgħa fir-Repubblika Ċeka.