In-nefqa fil-pensjonijiet se tiżdied bi tmenin miljun ewro skont dak imħabbar fil-Baġit għas-sena d-dieħla; għal nefqa totali li tiżboq il-biljun u mitt miljun ewro fis-sena.
Dan ġie spjegat f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministeru għall-Politika Soċjali bit-tema ‘Malta Ġusta’, fejn intqal kif iż-żieda fil-pensjonijiet għas-sena d-dieħla hija l-akbar waħda li qatt ingħatat u d-disa’ żieda konsekuttiva.
Fil-fatt, minn Jannar li ġej, aktar minn mitt elf pensjonant tal-irtirar, romol, dawk tal-invalidità u dawk bil-pensjoni tal-età, se jiżdiedu ħmistax-il ewro fil-ġimgħa, inkluż l-aġġustament għall-għoli tal-ħajja; ekwivalenti għal €780 fis-sena.
Din ma kinitx l-unika miżura li kellu dan il-Baġit fejn jidħlu l-pensjonijiet.
Fl-istess baġit ġew introdotti numru ta’ miżuri intiżi biex jindirizzaw diversi anomaliji.
Madwar sebat’elef armel jew armla se jieħdu żieda addizzjonali ta’ ewro u ħamsa u sittn ċenteżmu fil-ġimgħa oħra, apparti l-ħmistax-il ewro fil-ġimgħa.
Miżuri oħra jinkludu aġġustament ieħor fil-bonus tal-għoli tal-ħajja li jfisser kif id-differenza bejn l-ogħla u l-anqas rata ta’ pensjoni tkompli tonqos kull sena. Fil-fatt din id-differenza fir-rata niżlet minn €12.80 fl-2021 għal €8.36 s-sena d-dieħla.
L-eżenzjoni tat-taxxa wkoll żdiedet għal sittin fil-mija tal-pensjoni li ma jiġix ikkalkulat bħala dħul għal fini ta’ taxxa.
Il-Baġit għas-sena d-dieħla ndirizza wkoll id-differenza li ddaħlet taħt amministazzjoni Nazzjonalista li qasmet il-pensjonanti f’żewġ kategoriji; dawk li twieldu qabel l-1962 u dawk li twieldu wara.
Dan kien fisser li dawk li twieldu qabel l-ewwel ta’ Jannar tal-1962 kienu suġġetti biex jieħdu żidiet inqas mill-grupp l-ieħor ta’ pensjonanti.
Is-Segretarju Permanenti Mark Musù spjega li issa din l-anomalija qed tiġi indirizzata.
Qal, “Bil-miżura li tħabbret ħa nassiguraw li dan ma jiġrix u allura mis-sena d-dieħla ‘l quddiem il-pensjonanti kollha jibqgħu jieħdu l-istess ammont ta’ żidiet fil-pensjoni tagħhom. It-tieni miżura tikkonċerna is-ceiling tal-persuni li twieldu qabel l-1962 u dawk li twieldu wara. Ħa jkun qed isir aġġustament hemmhekk sabiex id-divarju li hemm illum jibda jitnaqqas gradwalment biex eventwalment jiġu ndaqs.”
Il-pensjoni tas-servizz, li jeħduha mas-sitt elef persuna, ukoll se tkun qed tiżdied b’mitejn ewro oħra.
Miżura ġdida għall-pensjonanti tas-servizz li ma jaħdmux u m’għandhomx beneffiċċji soċjali se jibdew jirċievu Bonus Addizzjonali għall-Għoli tal-Ħajja ekwivalenti għaż-żieda sħiħa tal-għoli tal-ħajja.
Dan il-Baġit kompla jinċentiva lill-pensjonanti li jkomplu jaħdmu wara l-età tal-irtirar. Dawk li jaħdmu sena iżjed wara li jkunu intitolati għall-pensjoni tal-irtirar se jkollhom żieda addizzjonali ta’ sitta punt ħamsa fil-mija, li tibqa’ tiżdied għal kull sena żejda.
Fil-massima tagħha, din iż-żieda titla’ sa disgħa u għoxrin fil-mija.
F’miżura oħra, dawk li ma jikkwalifikawx għall-pensjoni se jkunu intitolati għal bonus b’żieda ta’ €50.
Jekk wieħed ikun ħallas bejn sena u erba’ snin bolol dan il-bonus jitla’ minn €450 għal €500. Min ikun ħallas bejn ħames snin u disa’ snin bolol il-bonus jitla’ għal €600 minn €550 fis-sena.
Minn din il-miżura se jgawdu mas-16,000 persuna.
L-aħħar miżura b’rabta mal-pensjonijiet wessgħet l-eleġibbiltà għal krediti tat-trobbija anki għal dawk il-ġenituri li qabel bnew familja qatt ma kienu daħlu fid-dinja tax-xogħol, meta dan kien japplika biss għal dawk li kienu preżenti fid-dinja tax-xogħol, waqfu u reġgħu daħlu.
Il-Ministru politikament responsabbli mill-pensjonijiet, Michael Falzon ikkuntrasta l-politika tal-Gvern Laburista mal-aġir ta’ diversi amministazzjonijiet Nazzjonalisti li kienu ffriżaw il-pensjonijiet.
Qal, “Naħseb il-pensjonanti jitkellmu aħjar minni għamlu tnejn u għoxrin sena l-pensjonanti, ma jarawx żieda ta’ ċenteżmu wieħed fil-pensjoni. Kienu jieħdu biss l-għoli tal-ħajja u kien hemm żmien li lanqas kienu jatuhielhom kollha. X’differenza llum li qed jaraw l-akbar żieda li qatt kien hemm fil-pensjonijiet għal disa’ snin wara xulxin, irnexxilna nżidu l-pensjoni u fuq kollox qed jgħixu livell ta’ ħajja aħjar. Verament nemmnu li Malta hija Malta Ġusta u l-pensjonanti għandhom jingħataw l-importanza li jixirqilhom.”