Eluf ta’ persuni li għandhom bejn it-tletin u d-disgħa u tletin sena rreġistraw biex jitlaqqmu, fl-ewwel erbgħa u għoxrin sena mindu fetħu r-reġistrazzjonijiet għal dan il-grupp ta’ etajiet it-Tlieta.
L-għada, ONE News segwa l-proċess b’attenzjoni li kien għaddej fiċ-ċentru ta’ tilqim fid-daħla tal-Università ta’ Malta.
Hemmhekk, Steve Agius, il-koordinatur tal-proċess, spjega kif qed jiġi mmassimizzat l-użu taċ-ċentri kif ukoll tad-dożi tal-vaċċin.
Huwa fissrilna: “Jiġu n-nies hawnhekk jirreġistraw u ndaħħluhom fis-sistema, imbagħad jingħataw il-post fil-cubicle biex jieħdu l-vaccine. Kif jieħdu l-vaccine, jistennew kwarta hawnhekk fejn ikollna wkoll tobba biex inkunu ċerti li l-proċess mexa tajjeb u jkunu jistgħu jmorru lura.”
Dan l-istazzjon tkellem ma’ xi wħud minn dawk li marru biex jitlaqqmu. Huma qalulna:
- “L-aħjar soluzzjoni kontra l-marda u biex ma tkomplix tinxtered.”
- “Nixtieq immorru lura għan-normalità.”
- “Tipprova tagħmel għall-aħjar, kulħadd qed jeħodha.”
Qalulna wkoll x’jaħsbu dwar il-proċess ta’ reġistrazzjoni f’Malta, fejn l-adulti qed jintalbu jirreġistraw fuq is-sit vaccin.gov.mt jew billi jibagħtu SMS fuq żewġ numri għal Malta u Għawdex:
- “Il-proċess vera tajjeb, irċevejt il-messaġġ kważi l-għada stess.”
- “Kien faċli u effiċjenti ħafna.”
- “Tajjeb ħafna, wara sebat ijiem bagħtu għalija, ġejt neħodha issa u forsi ili ħames minuti hawn u lest.”
Il-koordinatur tal-proċess tat-tilqim semma aspett pożittiv li ġab lil kulħadd flimkien u wera kif kull professjonist fil-qasam tas-saħħa, ġej mil-liema settur ġej, qam għall-okkażjoni u qed jagħti sehmu biex ikollna futur aħjar.
Huwa stqarr: “Hawnhekk mhux qed nużaw nursing staff mill-entitajiet biss imma qed nużaw ħafna voluntiera wkoll u din kienet opportunità li wriet ċertu għaqda bejn il-health entities u wasalna fejn wasalna, thanks to that.”