Is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija qed iħabbar dati ġodda għall-għażla ta’ skola tal-Knisja għas-sena akkademika li tibda f’Settembru li ġej. L-għażla ta’ skola se tixxandar live fuq il-website tal-Arċidjoċesi ta’ Malta www.knisja.mt, minn ġo studio mingħajr il-preżenza tal-ġenituri u bl-inqas nies possibbli, minħabba r-restrizzjonijiet kontra t-tixrid tal-coronavirus.
Matul il-proċess kollu ser ikun preżenti nutar. L-iskeda bid-dati ta’ kull għażla ta’ skola tinsab fit-tieni paġna.
Waqt il-proċess tal-għażla tal-iskola, il-ġenituri ser jiġu kkuntattjati bit-telefown u jintalbu jagħmlu l-għażla tagħhom. It-telefonati lill-ġenituri jsiru wara xulxin skont l-ordni tar-riżultat tal-polza tal-għażla. Huwa obbligatorju li l-ġenituri jkunu disponibbli biex jirrispondu t-telefonata, bħalma kien obbligatorju li jkunu preżenti fis-sala fejn kienet issir l-għażla ta’ skola.
Dan sabiex il-proċess jimxi kif meħtieġ u ħadd ma jinqabeż.
L-Uffiċċju għad-Dħul fl-Iskejjel tal-Knisja jċempel l-ewwel fuq il-mobile tal-omm. Jekk ħadd ma jirrispondi jċempel fuq il-mobile tal-missier, u jekk ħadd ma jirrispondi jċempel fuq in-numru tad-dar.
Jekk ħadd ma jirrispondi t-telefonati kollha li jsiru, il-proċess jitkompla u ssir telefonata lil min imissu. Min ma jkunx għażel u jikkuntattja lura lill-uffiċċju jkun jista’ jagħżel mill-postijiet li jkun fadal, iżda ma jkunx jista’ jħassar l-għażliet li jkunu diġà saru.
In-numri tat-telefown li jintużaw huma dawk li ġew sottomessi fl-applikazzjoni għad-dħul fl-iskejjel tal-Knisja u dawk li l-ġenituri jkunu taw meta l-uffiċċju għad-Dħul fl-Iskejjel tal-Knisja jkun ċemplilhom.
Il-kapijiet tal-iskejjel tal-Knisja qed ilestu preżentazzjonjiet b’informazzjoni utli dwar l-iskola għall-ġenituri. Din l-informazzjoni tkun aċċessibbli mill-paġna tal-iskejjel tal-Knisja fuq www.knisja.mt jew tintbagħat b’email jew bil-posta.
Il-postijiet vojta skola skola jitħabbru sa jumejn qabel l-għażla ta’ kull skola. Il-ġenituri għandhom ikunu preparati bid-deċiżjoni tagħhom sa dakinhar li ssir l għażla tal-iskejjel li għaliha applikaw għat-tfal tagħhom.
Il-filmati tal-għażla tal-iskola jibqgħu aċċessibbli online anke wara li tintemm ix-xandira.
Ir-riżultati tal-għażla jittellgħu online l-għada ta’ kull għażla fuq il-paġna tal-iskejjel tal-Knisja li tinsab fuq il-website tal-Arċidjoċesi ta’ Malta. Il-listi tal-applikanti li se jagħmlu għażla ta’ skola tinsab ukoll online.
Għal aktar tagħrif tista’ tibgħat email fuq admissions@maltadiocese.org jew iċċempel fuq 7999 0224 mit-Tnejn sal-Ġimgħa mis-7:30am sat-3:30pm. Aktar informazzjoni tingħata fil-paġna tal-iskejjel tal-Knisja fuq www.knisja.mt minn żmien għal żmien. Jekk iċ-ċirkustanzi fil-pajjiż jinbidlu b’tali mod li l-għażla tal-iskola ma tkunx tista’ ssir, il-ġenituri jiġu infurmati permezz ta’ avviż fuq l-istess website.