Nhar il-Ġimgħa li ġej, Malta se tospita laqgħa għolja bejn id-disa’ pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Unjoni Ewropea, dik imsejħa bħala l-MED 9.
Il-laqgħa f’Malta se tkun l-għaxar waħda bejn il-mexxejja Mediterranji tal-Unjoni Ewropea u t-tieni darba li se ssir f’pajjiżna. Dan hekk kif pajjiżna kien ospita din il-laqgħa f’Ġunju tal-2019.
Tul din il-laqgħa għolja, il-mexxejja tal-pajjiżi tal-MED 9 se jiddiskutu temi komuni u importanti għar-reġjun tal-Mediterran.
L-għan ta’ din il-laqgħa hu biex id-disa’ pajjiżi, li jagħmlu terz mill-istati membri tal-Unjoni Ewropea jkunu fi front komuni u anke biex jikkoperaw flimkien. B’din il-laqgħa f’Malta se ssir ftit ġimgħat qabel is-Summit tal-Kunsill Ewropew, li se jsir ix-xahar id-dieħel fi Brussell.
Bi preparazzjoni għal din il-laqgħa f’pajjiżna, diġà ġew ospitati tliet laqgħat Ministerjali tal-MED 9, fl-aħħar xhur u ġimgħat. Dan meta f’Mejju tlaqqgħu l-Ministri tal-Enerġija ta’ dawn id-disa’ pajjiżi, waqt li dan ix-xahar, pajjiżna laqa’ lill-Ministri u rappreżentanti tal-Gvern dwar l-Affarijiet Barranin u dwar l-iżvilupp tat-teknoloġija fis-settur tal-intelliġenza artifiċjali.
Preżenti għal-laqgħa għolja tal-mexxejja nhar il-Ġimgħa, se jkun hawn ukoll il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen u l-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel.
F’kitba f’gazzetta lokali, il-Ħadd, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li deċiżjonijiet strateġiċi f’dan ir-reġjun huma meħtieġa biex l-Unjoni Ewropea tħares lejn il-pajjiżi ġirien fin-Nofsinhar bħala msieħba strateġiċi.
L-istazzjon ONE se jkun qed ixandar programm speċjali f’dan il-jum, li se jibda fid-disgħa u kwart ta’ filgħodu u għandu l-produzzjoni ta’ din il-Kamra tal-Aħbarijiet.