Bdew jitqassmu t-timetables għall-eżamijiet tal-O Levels u l-A Levels li l-istudenti se jkunu qed joqogħdu għalihom fl-aħħar ta’ dan ix-xahar. Dawn l-eżamijiet se jkunu qed jsiru b’mod normali iżda bil-prekawzjonijiet kollha meħtieġa kontra t-tixrid tal-Coronavirus. B’hekk l-istudenti ser ikunu qed joqogħdu għall-eżamijiet f’ambjent sigur.
Fost il-miżuri li ser jittieħdu, l-ammont ta’ studenti f’kull post tal-eżami ser ikun wieħed iżgħar mis-soltu u għalhekk ser ikun hemm iktar skejjel li ser jintużaw biex isiru l-eżamijiet fihom mis-sessjonijiet tas-soltu. Bejn l-imwejjed tal-istudenti ser ikun hemm distanza ikbar mis-soltu filwaqt li t-temperatura ta’ kull student ser tkun qed titkejjel fid-daħla tal-iskejjel. It-tfal ser ikunu mitluba jilbsu l-maskra waqt li jkunu deħlin jew ħerġin mill-iskola filwaqt li ser jingħataw l-għażla li jilbsu l-maskra wkoll waqt l-eżami.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Owen Bonnici stqarr li f’dan iż-żmien is-saħħa tal-istudenti hija prijorità, madankollu l-edukazzjoni ma tistax tkun abbandunata.
Huwa stqarr: “Illum bdew jintbgħatu t-timetables tal-eżamijiet, kemm tal-Matsec u kemm tas-SEC. Huwa importanti li l-istudenti tagħna jkomplu bil-vjaġġ edukattiv tagħhom. Allaħares nitilfu l-edukazzjoni ta’ uliedna. Importanti wkoll li nqegħdu s-‘safeguards’ kollha neċessarji li jtuna parir li nieħdu l-awtoritajiet tas-saħħa biex nibżgħu għas-saħħa tal-istudent.”
Rimedji ġusti u ekwi wkoll ġew imfassla għal dawk l-istudenti li f’każijiet eċċezzjonali jinqabdu fi kwarantina mandatorja b’konnessjoni mal-Covid-19. Fil-fatt fi stqarrija l-Università ta’ Malta ħabbret li dawk l-applikanti li jixtiequ japplikaw għall-korsijiet tal-mediċina u kirurġija, dentistrija u korsijiet oħra li jaċċettaw biss numru limitat ta’ studenti, l-istudenti li ser ikunu fi kwarantina mandatorja fi żmien l-eżamijiet ta’ Settembru, ser jitħallew jagħmlu l-eżami b’mod sigur u separat mill-istudenti l-oħra. Id-Direttur tal-Matsec, Dario Pirotta spjega kif ser isir dan.
Is-Sur Pirotta qal: “Jekk hemm studenti li qiegħdin taħt kwarantina mandatorja u jagħtuna d-dokumentazzjoni neċessarja il-Matsec jagħmel l-arranġamenti ħalli l-eżami jagħmluh taħt superviżjoni d-dar tagħhom stess.”
Studenti li jridu japplikaw għall-kors ieħor ser jitħallew japplikaw għall-kors tax-xewqa tagħhom bħala studenti temporanji iżda bil-kundizzjoni li joqogħdu għall-eżamijiet fis-sessjoni ta’ Diċembru. Jekk iġibu minn tal-inqas 36 punt f’din is-sessjoni ser jitħallew ikomplu l-kors sal-aħħar tas-sena akkademika bħala studenti fuq probation filwaqt li jekk iġibu inqas minn dan l-ammont ta’ punti dawn jitwaqqfu mill-kors. Dawn il-konċessjonijiet ser japplikaw biss għal dawk l-istudenti li jkunu fi kwarantina ordnata mill-awtoritajiet tas-saħħa. L-istqarrija temmet tgħid li kull min ikun fi kwarantina għandu jinforma lill-Matsec permezz ta’ email fuq matsec@um.edu.mt
Dawk li ser jagħmlu l-eżamijiet tas-SEC u jkunu fi kwarantina ser jitħallew jidħlu l-Junior College bħala studenti fuq probation sal-aħħar tas-sena skolastika minħabba li f’Diċembru mhux se ssir sessjoni oħra tal-eżamijiet tas-SEC.