L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qiegħed jappella lill-pubbliku fid-dawl tat-tmien il-ġimgħa impenjattiv li ġej.
Matulu mistennija jaslu sa 1,100 passiġġier fl-istess ħin waqt ċerti sigħat.
Għaldaqstant, l-ajruport jixtieq ifakkar lil dawk li ser ikunu qegħdin jivvjaġġaw sabiex iħejju d-dokumenti meħtieġa għall-verifikazzjoni, speċjalment qabel il-wasla tagħhom f’Malta.
Il-passiġġieri li ser ikunu qegħdin jivvjaġġaw lejn Malta għandhom jimlew Formola ta’ Lokalizzazzjoni tal-Passiġġieri diġitali hawnhekk, u huma mitlubin jaraw li t-taqsimiet kollha ta’ din il-formola jimtlew b’mod korrett.
Din il-formola għandha tiġi ppreżentata flimkien ma’ riżultat ta’ test tal-COVID-19 tat-tip PCR li ma jkunx sar aktar minn 72 siegħa qabel il-wasla f’Malta jew wieħed miċ-ċertifikati tat-tilqim li jidhru hawn taħt u li huma aċċettati mis-Sovraintendenza tas-Saħħa Pubblika f’Malta.
Dawn iċ-ċertifikati jiġu aċċettati biss jekk jindikaw li d-detentur tagħhom huwa kompletament imlaqqam u jekk ikunu għaddew tal-anqas 14-il jum minn meta l-aħħar doża tkun ġiet amministrata:
- iċ-Ċertifikat tat-Tilqim ta’ Malta
- l-NHS COVID Pass tar-Renju Unit (verżjoni diġitali jew ċertifikat fiżiku)
- iċ-Ċertifikat Diġitali tal-COVID tal-UE
Il-passiġġieri huma mfakkrin ukoll li bħalissa ċ-Ċertifikat Diġitali ta’ Fejqan mill-COVID tal-UE mhuwiex qiegħed jiġi aċċettat bħala dokument validu mis-Sovraintendenza tas-Saħħa Pubblika ta’ Malta.
Il-passiġġieri li ser ikunu qegħdin itiru mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jistgħu jaraw ir-rekwiżiti tal-ivvjaġġar skont il-pajjiż f’din il-link: maltairport.com/covid19/departure/.
Dawn il-passiġġieri huma mitlubin imorru fiċ-check-in counters tal-ajruport sabiex id-dokumenti tagħhom jiġu vverifikati, anki jekk ikunu għamlu check in onlajn minn qabel.