Dalgħodu numru ta’ persuni ilmentaw fuq il-midja soċjali Facebook dwar kif bdew jirċievu għadd ta’ telefonati minn numru Żvizzeru u kif jirrispondu din it-telefonata, ma jirrispondihom ħadd fejn eventwalment il-linja tispiċċa taqta’.
Il-Pulizija kkonfermat li rċeviet għadd ta’ rapporti dwar dan, bit-telefonati bdew isiru minn numri simili ġejjin mill-Iżvizzera.
Jidher li t-telefonati qed isiru lill-klijenti ta’ kumpanija partikolari. Kelliem għall-Pulizija qal li mill-ewwel investigazzjoni tagħha, il-Pulizija qed tqis dan il-każ bħala wieħed ta’ “Premium Rated Number”.
Dan ifisser li l-persuna li jirrispondi t-telefonata jew iċċempel lura fuq dan in-numru tkun qed tħallas hi għal dik it-telefonata partikolari. Bil-konsegwenza, li l-persuna anonima tkun qed tagħmel l-qliegħ mit-telefonata.
L-appell tal-Pulizija huwa li ħadd ma jirrispondi jew iċempel lura fuq in-numru meta jirċievi xi telefonata ta’ dan it-tip.