L-ilmenti dwar it-toqol tal-basktijiet tal-iskola ma jaqtgħu xejn, iżda dokument ippreżentat fil-Parlament juri li hemm linji gwida ċari li suppost qed ikunu segwiti mill-iskejjel biex jitnaqqas il-piż tal-basktijiet. Dawn il-linji gwida daħlu fil-bidu tas-sena skolastika li għaddiet u mistennija jkunu infurzati iktar fiż-żmien li ġej.
Fost oħrajn jingħad li t-tfal għandhom jieħdu flixkun tal-ilma vojt fl-iskola u jimlewh mill-water fountains li kienu installati fl-iskejjel. Fil-fatt dawk il-funtani tal-ilma kellhom iktar minn għan wieħed hekk kif huma wkoll parti mill-politika dwar ikel tajjeb għas-saħħa fl-iskejjel. Iżda, kif jgħid il-Malti b’ġebla waħda jistgħu jintlaqtu żewġ għasafar. Fil-fatt il-politika tgħid li dawk l-iskejjel li għad m’għandhomx dawn il-funtani tal-ilma għandhom jipprovdu water dispenser.
Regoli ċari wkoll dwar xiri ta’ kotba. Jingħad li ebda ktieb m’għandu jaqbeż in-nofs kilo u iktar minn hekk l-iskejjel għandhom imorru lejn kotba eħfef.
L-istudji juru li l-piż ideali ta’ basket ma jaqbiżx l-10% tal-piż tal-istudenti u f’ebda każ m’għandu jlaħħaq l-20%.
Iżda, sa qabel daħlu dawn ir-regoli fis-seħħ kien hemm 60% tat-tfal iġorru basket jiżen bejn 10% u 20%tal-piż tagħhom u saħansitra 15% qabżu l-20%.
Fost miżuri oħra mħeġġa għal dan il-għan hemm dawk li l-istudenti jkunu mgħallma ma jiħdux affarijiet li m’għandhomx bżonn lejn l-iskola mingħajr il-ħtieġa u fejn jeżistu jużaw il-lockers b’għaqal. Tpoġġa piż fuq l-edukaturi biex jimmaniġġjaw b’sens il-lezzjonijiet bil-għan li l-istudenti ma jiħdux magħhom kotba għalxejn.
Hemm ukoll ordni ċara ħafna li l-istudenti jilbsu t-track suit mid-dar meta jkollhom il-lezzjoni tal-edukazzjoni fiżika.