F’ħafna lokalitajiet hemm bosta xelters li tul it-Tieni Gwerra Dinjija kienu jagħtu kenn lill-eluf ta’ Maltin mill-qilla tal-bombi tal-qawwiet tal-Assi.
F’xelter viċin il-knisja tal-Madonna tal-ħniena fiż-Żejtun, fejn tiddomina l-ħemda, iltqajna ma’ Joan Agius, mara li f’darha hemm xelter li m’ilux tnaddaf u instabu oġġetti li jitfgħu dawl lil hinn mill-gwerra li fiha Malta kienet taħt in-nar.
Hija ddeskriviet is-sejba ta’ dan ix-xelter, li għal xi żmien kien intradam.
Is-Sinjura Agius spjegat: “Bdejna nfittxu ħafirna l-art u xiħ beda jgħidli li huwa xi mkien hawn u mbagħad ir-raġel tat-tifla kien tefa’ ġebla u qalli hawn qiegħed għax taf inti tisma’ l-echoe tal-ġebla nieżla.”
Is-Sinjura Agius spjegat ma’ dan l-istazzjon kif iz-ziju ta’ żewġha, li damet tikkurah għal żmien kien jirrakkontalha kif qalb id-daqq tas-sireni, ix-xita ta’ bombi u bejn ġirja u oħra minn u lejn ix-xelter, għexieren ta’ eluf ta’ Maltin batew il-ġuħ u l-għaks.
Hija sosotna: “Darba kien irrakkontali u ma kontx nemmnu jiena, tant kemm kien hawn ġuħ li darba ma kellhomx jieklu, u kienet għadha kemm tmut majjala u qalhom jien se nmur naqlaha u niekol minnha. Titqażżiżha llum imma l-għaks li kien hawn.”
Għal xi żmien Giacond Gravina, iz-ziju tar-raġel ta’ Joan Agius qatta’ ftit taż-żmien id-Dardanelli mal-Baħar l-Iswed waqt l-ewwel gwerra dinjija fejn minn hemm ġab diversi oġġetti fosthom arloġġ li kien mogħti lilu minn suldat li miet fil-gwerra.
Joan Agius spjegat li fil-Knisja tal-Ħniena, li kienet viċin ix-xelter kienu stazzjonati diversi suldati Ingliżi u lil qarib ta’ Joan Agius kienu jtuh diversi oġġetti fosthom biċċa pjanċa ta’ ajruplan li minnha ġie maħdum inkwatru tal-qalb ta’ Ġesù, li meta reġa infetaħ ix-xelter instab hemm.
Hija saħqet: “Hu maħdum fuq pjanċa ta’ ajruplan, jekk teqlibha hemm in-numru tal-ajruplan, imma meta kien jgħidli mhux ma kontx nemmnu ta imma kont ngħid possibbli.”
Lil Joan Agius sellimnilha hekk kif ħriġna mix-xelter u hi ma naqsitx milli ġġannat dawn il-memorji tax-xelter maċ-ċirkostanzi straordinarji li qed ngħixu llum minħabba l-imxija.
Fil-fatt hija saħqet li llum ix-xelter tagħna huwa d-dar li żżommna siguri ġewwa biex ma nimirdux bil-Coronavirus.