Matul dan tmiem il-ġimgħa itwal (long-weekend) li fih pajjiżna jfakkar Jum il-Ħelsien, ONE se jkun qed iwassal xandiriet u programmi speċjali.
Is-sensiela ta’ rakkonti personali minn nies li għexu l-ġrajja storika tal-Ħelsien JIEN KONT HEMM! li xxandru kuljum għall-ħin tas-7pm mit-Tnejn 24 ta’ Marzu sas-Sibt 29 ta’ Marzu, s-sitt episodji se jerġgħu jintwerew kollha wara xulxin, is-Sibt 29 ta’ Marzu fid-8:45pm.
Il-Ħadd 30 ta’ Marzu, fl-10am ĦELSIEN: IL-ĠID GĦALL-MALTIN, doku-film b’intervisti u filmati esklussivi dwar il-mixja iebsa u twila li għamel il-Partit Laburista għall-kisba tal-Ħelsien fil-31 ta’ Marzu tal-1979. Doku-film li ntwera fis-sala taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista l-Ħadd li għadda u li fuq talba ġenerali issa se jixxandar fuq ONE.
Il-Ħadd 30 ta’ Marzu għall-ħin tas-6:15pm, ONE jingħaqad b’mod dirett mal-Birgu fejn minn biswit il-monument tal-Ħelsien tixxandar IĊ-ĊERIMONJA TA’ TIFKIRA tas-46 anniversarju ta’ Malta Ħielsa. Din iċ-ċerimonja jkollha repetizzjoni fuq ONE it-Tnejn 31 ta’ Marzu fid-9am.
F’Jum il-Ħelsien, it-Tnejn 31 ta’ Marzu matul il-ġurnata se jixxandru filmati u dokumentarji relatati ma’ din il-kisba. Fis-7:10am DOKUMENTARJU DWAR IL-ĠID EKONOMIKU filwaqt li fis-2:30pm DOKUMENTARJU DWAR IL-ĠID SOĊJALI. Fis-5:40pm, repetizzjoni tad-doku-film li jkun intwera’ l-Ħadd filgħodu, ĦELISEN: IL-ĠID GĦALL-MALTIN filwaqt li għad-9:25pm se jerġa’ jintwera il-programm ta’ Mario Coleiro GĦIDLI STORJA dwar il-Ħelsien, fejn Alex Sciberras Trigona jirrakonta bosta stejjer u episodji ta’ din il-kisba nazzjonali.
