It-Tnejn filgħodu, ONE News żar ix-xogħol tal-arti minn Joe Baldacchino. Xogħol, imżewwaq b’ħafna kuluri u dettall liema bħalu.
Joe Baldacchino ilu jpenġi sa minn mindu kien żgħir, tant li magħna spjega kif in-namra għall-arti bdiet minn sempliċiment water colours tat-tfal u karti normali.
“Hawnhekk hawn affarijiet ta’ natura ta’ annimali, friefet, fjuri. Minbarra hekk, naqleb fuq affarijiet illi huma l-istorja ta’ Malta, għandi pitturi tax-xarabank antiki li spiċċaw fit-toroq tal-llum. Għandi wkoll ammont ta’ opri tal-baħar. Imbagħad għandi wkoll xi portraits, il-favoriti ħafna tiegħi huma l-karozzi tal-llum li naraw fit-toroq, kemm antiki kif ukoll moderni.”
L-artist Joe Baldachino
Kull biċċa arti fiha storja però, Baldacchino spjega li mhux faċli li toħloq pittura mix-xejn. Hu stqarr li biż-żmien tgħallem ħafna tattiċi ta’ kif jikseb l-aqwa viżjoni.
“Jien immur nieħu r-ritratti tal-opri tal-baħar Marsaxlokk. Mela, meta tmur Marsaxlokk u tmur mal-kosta fejn hemm ir-ristoranti ir-riħ jrid jkun il-lbiċ biex il-pruwwa tal-qoxxra tkun tħares lejk allura mmur dejjem meta l-ajru jkun l-lbiċ u mmur wara nofsinhar meta x-xemx tkun qed ħafna fil-għoli… tkun qed toqrob biex tinżel imma tkun għada fil-għoli allura jkollok ħafna effett ta’ dellijiet: dawl qawwi fuq naħa u d-delli n-naħa l-oħra biex inti tagħmel il-kuntrast.”
L-artist Joe Baldacchino
Waqt li beda jispjegalna b’reqqa kbira l-ispirazzjoni wara kull kwadru, Joe qalilna li l-arti hi forma ta’ rilassament għalih.
Minkejja dan, hu qasam magħna t-tħassib tiegħu hekk kif it-teknoloġija moderna, partikolarment dik imsejħa ‘generative AI,’ tista’ timmina l-industrija.
“It-teknoloġija naħseb illi tat daqqa lura għaliex pereżempju fuq ix-xogħol tiegħi nista’ nitkellem jien, ġieli jkun hawn min jgħidlek imma għax naħseb imbabas bil-komputer u dawn l-affarijiet.”
L-artist Joe Baldacchino
Waqt li konna hemm, tkellimna wkoll ma’ Chris Debono, il-kuratur tal-mużew u ilu intiż fl-arti żmien twil.
“Bdiet minn sempliċiment idea u llum il-ġurnata, jiena flimkien mas-sorijiet ta’ Ġesù Nazzarenu ftaħna dan l-post biex iservi bħala ċentru u ġenna għall-artisti kolla li jkunu jixtiequ jibdew minn x’imkien.”
Il-kuratur tal-mużew, Chris Debono