B’investiment ta’ €115,000, Parks Malta wettqet numru ta’ xogħlijiet biex tat wiċċ ġdid lil Wied Garnaw, fil-limiti ta’ Santa Luċija.
Ix-xogħlijiet iffukaw fuq it-tneħħija ta’ elf metru kubu ta’ materjal li nġema’ fil-kanali, u li kien qed jikkawża għargħar u telf ta’ ħamrija mill-għelieqi fil-viċinanzi.
Parks Malta rrestawraw ukoll mat-tliet mitt metru ta’ ħitan għal kif kienu oriġinarjament billi neħħew xi blokki tal-konkos.
Ġie rrestawrat ukoll il-ġebel tas-sejjieħ u tnaddfu l-kanali u l-culverts taħt it-Trejqa ta’ Garnaw.
L-uffiċjal inkarigat mit-tmexxija tal-widien, Alexander Borg Galea, saħaq li dawn ix-xogħlijiet jinkludu restawr ta’ infrastruttura b’miżuri li jikkumplimentaw il-pajsaġġ rurali u tħawwil ta’ siġar u arbuxelli indiġenti u tipiċi tal-widien.
Is-Sur Borg Galea spjega: “Kien hawn problema fejn il-wied kien mimli materjal, fil-fatt minn dan il-wied neħħejna mal-elf metru kubu ta’ materjal biex l-ilma jkun jista’ jgħaddi mill-wied, taffejna l-problema li kien qed ikollhom l-għelieqi li kienu qed jitilfu l-ħamrija, irrestawrajna l-ħitan, użajna l-ġebel tal-post, bqajna nużaw il-ġebel tal-post biex irrestawrajna l-ħitan u fl-aħħar għaqqadna l-ħitan bil-ġebla tal-Malti biex għamilnieh oriġinarjament meta kien inbena.”
Dawn ix-xogħlijiet saru b’finanzjament parzjali mill-Unjoni Ewropea, u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi qal li dan huwa eżempju ċar ta’ użu ta’ Fondi Ewropej li jintużaw bħala investiment fl-irħula.
Huwa sostna: “Huwa mezz li permezz tiegħu jsir tisbiħ kif ukoll nagħtu spazju miftuħ u nkomplu nsebbħu dawn il-widien bħala parti mill-pajsaġġ ta’ pajjiżna.”
Il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli saħqet fuq l-importanza li jitħarsu l-widien u ż-żoni rurali ta’ pajjiżna.
Hija stqarret: “Aħna rridu naraw li t-turist ikun jista’ jagħżel ir-rotta tiegħu b’modi differenti inkluż dik ambjentali.”
B’investiment totali ta’ €330,000, flimkien ma’ Wied Garnaw se jsir xogħol ukoll f’Wied Għomor fis-Swieqi, f’Wied tal-Fiddien fir-Rabat, f’Wied ir-Rum f’Ħad-Dingli u f’Wied tal-Ġnejna fl-Imġarr.