Waqt li ħafna se jqattgħu dan il-lejl mal-familja jew jiddevertu mal-ħbieb f’atmosfera mill-isbaħ biex issellmu lis-sena 2018 u jilqgħu s-sena l-ġdida, diversi ħaddiema, speċjalment dawk fl-istabbelimenti tal-ikel, ser iqattgħu dan il-lejl bħal jiem l-oħra, għax hekk jirrekjedi xogħolhom.
One News żar lukanda ewlenija f’San Ġiljan fejn il-preparamenti għall-ikla u anke għal-attivitajiet ta’ tmiem is-sena kienu għaddejjin ġmielhom.
Iltqajna mad-direttur fil-qasam tal-ikel f’din il-lukanda, is-sur Jason Deogrogio, fejn spjega li l-preparamenti għal dan il-lejl ilhom għaddejjin għal bosta xhur. Huwa żied jgħid li aktar minn mitt ħaddiem ser ikunu xogħol f’dan il-lejl, għax f’settur importanti bħal dan m’hemmx Ħdud u festi:
“Illum ikun l-aħħar xogħol li nservu lin-nies u nagħmluhom kuntenti. Illejla ovvjament qed naraw li se nservu mat-800 ruħ fil-lukanda”.
Il-preparamenti kienu wkoll għaddejjin ġmielhom fil-kċina ewlenija, fejn madwar ħamsa u għoxrin kok, kollha maqsumin f’sezzjonjijiet differenti tal-ikel, mill-ewwel platt sad-deżerta, kienu qed jippreparaw l-ikel għat-800 klijent li mistennija jattendu llejla.
Il-Head Chef tal-kċina, James Mifsud, saħaq kif fi ġranet bħal tal-lejla l-ħaddiema kollha jkunu f’ġirja kontra l-ħin u katina waħda, biex fl-aħħar mill-aħħar joħorġu lill-klijenti sodisfatti:
“Is-sodisfazzjon tagħna huwa kbir, għax inti għandek tellieqa bħal meta ttellaw u tiġi l-ewwel, jew it-tim tal-futbol jiskurja. Aħna l-għan tagħna huwa li l-klijenti joħorġu sodisfatti, x’ħin naraw li x-xogħol sar kif mixtieq, u li l-preżentazzjoni saret kif xtaqna aħna, u kif il-klijenti kielu i telqu, telqu minn hawn kuntenti u sodisfatti tax-xogħol li nkunu għamilna għalihom”.
Intant, il-ħidma ma tieqafx hawn, hekk kif għada, ħafna minnhom jerġgħu jbakkru għax-xogħol biex iħejju għall-ikla ta’ nofsinhar ta’ nhar l-Ewwel tas-Sena.