Vulkan Sundhnúksgígar fl-Lbiċ tal-Iżlanda reġa’ żbroffa lbieraħ fis-sitt darba tiegħu fl-aħħar tmin xhur. Il-vulkan jifforma parti mill-peninsula Reykjanes fejn tgħix madwar tmienja fil-mija tal-populazzjoni Iżlandiża.
Il-qilla ta’ dawn l-iżbroffi reġgħu fakkru fil-ġrajjiet ta’ erbatax-il sena meta, fl-agħar attività simili fil-pajjiż, l-iżbroff mill-Vulkan Eyjafjallajokull kien ikkawża sħaba kbira li saħansitra fixklet l-ivvjaġġar bl-ajru u ħassret mal-mitt elf titjira fuq perjodu ta’ tmint ijiem.
Issa, skont l-uffiċċju meteoroloġiku tal-pajjiż, f’inqas minn tliet kwarti ta’ siegħa, infetħet bokka ġdida fil-vulkan ta’ madwar wieħed punt ħames kilometri, biex it-tul sħiħ ilaħħaq għal tlieta punt disgħa kilometri.
Minkejja dan, il-Gvern Iżlandiż qal li l-impatt tal-iżbroff lejn il-partijiet residenzjali hu limitat, wara li r-raħal ta’ Grindavik kien diġà evakwat f’Novembru tas-sena l-oħra.
L-Iżlanda, li tinsab bejn żewġ blatiet tettoniċi, tinkludi mal-mija u tletin vulkan.