Il-Crafts Village f’Ta’ Qali se jkun qiegħed jospita l-ewwel ‘Drive-Thru’ tal-Milied f’Diċembru li ġej. Dan l-avveniment għall-familja kollha qiegħed jiġi organizzat minn Danusan, f’kollaborazzjoni ma’ diversi artisti u għaqdiet lokali u se jassigura s-saħħa ta’ kull min jattendi.
Fost dawk li se jipparteċipaw, hemm entitajiet bħal każini tal-baned u kumpaniji tal-Karnival, li huma mħeġġa jagħmlu użu mit-talenti tagħhom sabiex iżejnu bl-iktar mod fantastiku.
Ma’ ONE News, Chrysander Agius spjega wkoll kif se taħdem din l-esperjenza.
Huwa qalilna, “Inti qiegħed mal-bubble tiegħek bit-tfal fuq wara għas-sħana tal-karozza, jiġifieri m’għandekx il-bard tax-xitwa. Se tiġi bil-mod hawnhekk, tidħol fil-villaġġ wara li tkun qtajt il-biljett u se nkunu nafu eżatt kemm se jkollna nies. Jekk se tieħu drink għall-argument, il-karozza tieqaf bħal ‘drive-thru’ ta’ ċertu ħwienet, jekk se tixtri tifkira, l-istess ħaġa, se jkollok fejn titfa’ l-karozza u tagħżel li tixtieq.”
Daniel Chircop spjega li l-avveniment se jsir bil-prekawzjonijiet kollha biex tiġi mħarsa s-saħħa ta’ kull min hu involut.
Chirchop stqarr magħna,“Jien hawnhekk nixtieq kemm jista’ jkun inserraħ ras in-nies, li s-sigurtà ta’ kull individwu, kbar jew żgħar, hija l-prijorità tagħna. Kemm jekk ġej bħala viżitatur, kemm il-ħaddiema li se jkunu qed jaħdmu hawnhekk, li l-prijorità se tkun is-sigurtà. Allura se tiġi hawn, mal-wasla u t-tluq tiegħek se tieħu dak l-ispirtu tal-Milied b’l-aktar mod sigur possibbli.”
Kollox se jsir bejn il-11 ta’ Diċembru u t-3 ta’ Jannar, bil-biljetti jinkisbu minn fuq is-sit ‘www.christmasinmalta.com’.
Kull min jattendi se jkun qiegħed jgħin lid-Dar il-Kaptan, il-Fondazzjoni tal-Malta Community Chest Fund, u d-Dar tal-Providenza.