Minkejja li l-Marsa mhix fost l-aktar lokalijiet popolari f’pajjiżna bil-popolazzjoni tagħha dejjem tonqos – id-dedikazzjoni tal-Marsin lejn raħal twelidhom hija waħda kbira.
Xhieda ta’ dan l-ispettaklu ‘Dancing Colours in the Sky’ li ser jittella minn fuq il-bejt tal-każin tal-Għaqda Mużikali Trinita’ Qaddisa l-Ġimgħa filgħaxija fl-okkażjoni tal-festa tat-Trinità.
Dan l-ispettaklu ilu jsir għal dawn l-aħħar seba snin u fi żjara li għamel ONE News fil-Marsa waqt it-tħejjijiet għal din il-festa seta’ jinnota d-dedikazzjoni ta’ bosta żgħażagħ li kienu qed iħejju għall-briju u għan-nar.
Paul Camilleri, chairman tal-Kummissjoni tan-Nar Trinitarji’ qal li l-ispettaklu tal-lejla se jpaxxi l-għajn ta’ kull min għandu għall-qalbu l-logħob tan-nar.
L-Għaqda Festi Esterni Santissma Trinita Marsa, tat is-sehem tagħha wkoll bi spettaklu ta’ nar sinkronizzat bil-karti u d-dwal.
Il-qofol jintlaħaq is-Sibt f’nofs il-lejl bi spettaklu ta’ nar minn torri ta’ tnax-il sular, u struttura ta’ ħamsin metru fuq l-art.
James Attard, assistent segretarju għaqda festi esterni Santisisma Trinita Marsa qal li dan l-ispettaklu oriġinali se jsir għat-tieni sena konsekuttiva.
Intant, ftit passi l’bogħod mill-qalba tal-Marsa jispikka mudell ta’ knisja maħduma kollha kemm hi mill-ġebla Maltija.
Xogħol il-bennej Tarcisio Azzopardi li spjega kif dan il-mudell hu kbir tmien piedi bi tlettax il-pied u maħdum kollu kemm hu bl-idejn.
Minkejja li l-popolazzjoni fil-Marsa dejjem nieżla, l-entużjażmu għall-festa għadu b’saħħtu u dan tixhdu l-qalba tal-Marsa armata għall-festa u l-ammont ta’ nies fil-każini.