‘L-imħabba’. Kien b’din il-kanzunetta li, fl-1972, il-kantant ikona tal-mużika Maltija, Joe Cutajar, irrappreżenta lil Malta fil-Eurovision Song Contest. Diska li baqgħet popolari u fil-widna ta’ kull Malti u Għawdxi.
Tnejn u ħamsin sena wara, fis-7 ta’ Marzu tħabbret il-mewt tiegħu fl-età ta’ tlieta u tmenin sena.
Cutajar twieled il-Belt Valletta fis-27 ta’ Jannar tal-1941 u minn ċkunitu kellu x-xewqa li jikseb isem għalih innifsu fix-xena mużikali. Sa minn età żgħira kien imur jiġri mal-baned ta’ zijuh.
Joe ta wkoll bosta kunċerti kemm f’pajjiżna kif ukoll f’pajjiżi lil hinn, bħall-Awstralja u l-Ġappun. Kien ukoll ħa sehem ukoll f’‘Ġensna’, l-ewwel rock opera Maltija, li għadha popolari sal-lum il-ġurnata.
Minbarra l-mużika kien ukoll iħobb il-futbol fejn lagħab, fost oħrajn, mal-Belt, Ħamrun Spartans u St George’s.
Fost in-nies li kienu miegħu f’diversi esperjenzi kien hemm is-Surmast Paul Abela, li qatta’ biċċa kbira minn ħajtu jimxi id f’id mal-karriera ta’ Joe.
ONE News ħa l-kummenti tiegħu u, b’dieqa f’leħnu, Paul qalilna li Malta tilfet ikona u se jibqa’ jiftakru bħala bniedem li ma jaqta’ qalbu qatt.
“Li kellu Joe, kellu enerġija kbira, jiġifieri x’se nagħmlu, x’se nagħmlu. Kien dilettant tal-billiard ħafna u dejjem kien jgħidli issa nirbaħlek ta. Kellna dan it-tip ta’ ċajt, imma kellna ħafna rispett għal xulxin jien u hu. Qatt ma kien jaqta’ qalbu qatt u dejjem looking forward. Naħseb li Malta tilfet ikona kbira tal-mużika.”
Bla dubju ta’ xejn, isem Joe jibqa’ mnaqqax fl-istorja wara li ħa sehem fit-tieni edizzjoni tal-Malta Eurovision Song Contest, flimkien mal-kantanta Helen Micallef.
Helen tenniet li l-vuċi ta’ Joe baqgħet soda, anke fl-aħħar snin ta’ ħajtu, hekk kif irrakkontat kif tliet snin ilu reġgħu ġeddew il-memorji ta’ tfulithom fuq il-palk tal-festival tal-kanzunetta Maltija ‘Mużika Mużika’.
Helen riedet tgħaddi messaġġ lil Joe u, b’qalbha maqsuma, b’din l-aħbar sellmietlu bis-sentenza “till we meet again”.
“Niftakar ħafna memorji sbieħ, pereżempju, backstage qabel ħriġna hu kien eċċitat ħafna u jiena xejn, imma god bless id-diska ħarġet tajba ħafna u għadhom iħobbuha sal-lum fil-fatt u dejjem hekk jgħidli Joe, għax l-aħħar li kantajna flimkien kien ‘Mużika Mużika’. Tlifna stilla.”