Issib min jaħseb li s-sehem f’xi dixxiplina sportiva sa minn età żgħira, jista jxekkel fl-edukazzjoni u l-istudju tat-tfal. Iżda dan ċertament ma jistax jingħad għall-aħwa Sultana, li bħalissa qed jagħmlu suċċess fl-isquash mhux biss għalihom imma wkoll għal pajjiżna fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa.
Is-sehem ta’ Colette, Kijan, u Lijana fil-kompetizzjonijiet tal-isquash fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar wassal sabiex fl-ewwel jiem ta’ din l-avventura tagħhom, Colette diġa reħbet midalja tad-deheb filwaqt li Lijana rebħet waħda tal-fidda meta lagħbu kontra xulxin fil-finali. Ħuhom il-fustani, Kijan, irnexxilu jirbaħ midalja tal-bronż.
Iltqajna mal-aħwa Sultana, flimkien ma’ missierhom Robert, fil-Malta Sports Club. Għalihom l-isport ifisser ħafna. Huwa ħajjithom. Sa minn età żgħira, it-tliet aħwa riedu li jisfruttaw il-ħiliet sportivi tagħhom fl-isquash. Kien jirnexxilhom jikkonċentraw kemm fuq l-isport. Kien hemm żmien, iżda, meta t-tliet aħwa laħqu ċertu livell li fetħilhom it-triq biex jimirħu aktar lil ginn minn xtutna, kemm fl-isquash kif ukoll fl-edukazzjoni tagħhom.
Missierhom Robert tkellem magħna dwar x’kien l-impenn bħala ġenituri, sa minn meta t-tfal bdew juri l-ewwel interess kbir fl-isquash.
‘Bħala ġenituri, qatt ma ppuxxjajnihom u hekk. Kienet xi ħaġa li jieħdu gost jagħmlu, u li jridu jagħmlu. Huma kellhom ħolma u aħna ffaċilitajna li jagħmlu li jridu, li l-ħolma ssir realtà. Bħala l-ġenituri dejjem tkun trid li t-tfal tiegħek tagħtihom l-aħjar u Ii tista’ biex tgħinhom biex ikunu jistgħu jagħmlu li jridu fil-ħajja.’
Colette kienet l-ewwel waħda mit-tfal tiegħu li ħalliet Malta, ta’ 15-il sena, sabiex tkun tista tkompli tiżviluppa l-ħiliet sportivi tagħha fl-isquash. L-ewwel siefret lejn l-Ingilterra, fejn għamlet is-Sixth Form, u mbagħad l-Amerika, fejn speċjalizzat fl-Ekonomija.
Kijan, il-fustani, mar boarding school l-Ingilterra, imbagħad is-Sixth Form l-Awstralja, fejn qed jikkumbina l-isquash mal-istudji fil-kummerċ u n-negozju.
Anki l-iżgħar waħda mit-tliet ulied, Lijana, sena u nofs ilu telqet l-Awstralja biex ,bħal ħutha tkompli tispeċjalizza fl-isquash u tlesti l-aħħar sena tas-Sixth form.
Tlabna lil Colette timraħ ftit u tgħidilna xi jfisser għaliha l-Isport.
‘L-isport għalija huwa importanti ħafna. Ħadni madwar id-dinja u tani ħafna esperjenzi sbieħ fil-ħajja tiegħi. Minn mindu kont żgħira bnieli ċertu karattru u l-esperjenzi tiegħi kienu sbieħ ħafna. Anki issa, qiegħda l-Awstralja ma’ ħuti, qed nittrenjaw l-isport, u hi esperjenza sabiħa ħafna.’
L-isport spiss jitlob sagrifiċċji kbar, kemm mill-atleti nfushom kif ukoll mill-ġenituri tagħhom. Min-naħa l-oħra, jaf joffri wkoll sodisfazzjon kbir. Robert Sultana ddeskrivilna l-esperjenza tiegħu bħala ġenitur, meta wliedu, it-tlieta li huma, ħallew Malta.
‘Ikun diffiċli. Forsi b’mod egoistiku tgħid, ‘Aħjar kieku baqgħu hawnhekk’, imma inti dejjem tara huma xi jridu, li jkunu ferħanin. Imbagħad ikollok ċertu sodisfazzjon tarahom sejrin tajjeb, tarahom kuntenti – dak huwa s-sodisfazzjon.’