Il-bandiera Maltija ngħaqdet mal-bnadar tal-pajjiżi l-oħra li bħalissa jiffurmaw il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York.
Fl-istess ċerimonja kienu wkoll l-Ekwador, il-Ġappun, il-Możambik u l-Iżvizzera li poġġew il-bnadar nazzjonali tagħhom wara li, fl-ewwel tas-sena, bdew iservu għal sentejn – din is-sena u ta’ warajha – f’dan l-organu għoli tan-Nazzjonijiet Uniti.
Malta se tkun qed isservi fil-Kunsill wara li s-sena li għaddiet ġiet eletta b’vot qawwi wara kampanja msejsa fuq tliet prinċipji: is-Sigurtà, is-Sostenibilità, u s-Solidarjetà.
F’messaġġ tal-okkażjoni li għamlet f’isem Malta, ir-Rappreżentanta Permanenti Maltija għan-Nazzjonijiet Uniti fi New York, Vanessa Frazier, iddeskriviet din iċ-ċerimonja tat-tpoġġija tal-bandiera bħala jum storiku għal Malta. Hija fakkret li Malta qed isservi fil-Kunsill tas-Sigurtà għat-tieni darba; l-ewwel darba kienet fl-1983 u l-1984.
L-ambaxxatriċi Frazier qalet li s-siġġu mhux permanenti ta’ Malta fil-Kunsill tas-Sigurtà jipprovdi lil pajjiżna b’opportunità biex jagħti sehmu biex madwar id-dinja jkun hawn il-paċi u s-sigurtà. Dan is-siġġu jagħti wkoll lil Malta ċ-ċans li taħdem biex jiġu ssalvagwardjati l-valuri u l-prinċipji minquxin fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, u dan fi żmien meta dawn il-valuri u l-prinċipji huma l-iktar mheddin.
Serving on the Council is a significant responsibility. We will rise to the challenge and the opportunity. Malta is a bridge-builder, committed to neutrality, disarmament, peace, and consensus through dialogue with all. We will be guided by the three pillars of security, sustainability, and solidarity, and will continue to advocate for peace, security, stability, dialogue, de-escalation, and respect of international law.
L-Ambaxxatriċi Frazier qalet li, fi spirtu ta’ rispett u ftuħ, Malta hija ħerqana li taħdem mal-partijiet kollha – il-midja, is-soċjetà ċivili, u l-Istati membri tan-Nazzjonijiet Uniti – sabiex jinkisbu r-riżultati mill-mandat l-aktar importanti tal-Kunsill tas-Sigurtà: dak li fid-dinja jsaltnu l-paċi u s-sigurtà.