Twila erbgħa u tletin metru, u tiżen tlieta u erbgħin tunnellata, il-gverta tal-azzar tal-pont il-ġdid li se jaqsam minn fuq Vjal l-Avjazzjoni, bejn Ħal Luqa u l-Gudja, tpoġġiet f’postha u qed isserraħ fuq żewġ pilastri tal-konkos għoljin seba’ metri.
Dan wara li l-kuntratturi ta’ Infrastruttura Malta lestew ix-xogħol fuq l-istruttura f’fabbrika speċjalizzata f’Venezja u nġiebet Malta bil-baħar.
Il-pont il-ġdid se jgħaqqad iż-żewġ waqfiet għall-karozzi tal-linja li hemm fit-triq, biex jipprovdi aċċess aktar sigur lil dawk li jużaw it-trasport pubbliku jew il-korsija tar-roti u l-bankini.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastruttura Malta, Frederick Azzopardi, spjega li l-pont se jkun aċċessibbli għal kulħadd, u qed jinbena paripassu mal-linji gwida stabbiliti mill-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità.
“Dal-pont fi Vjal l-Avjazzjoni, proprju dan il-lejl, aħna poġġejna d-deck. Għaqqadna min-naħa għall-oħra, għaqqadna ir-ranep għax jekk tara fuq kull naħa, għandek ranep u anki fil-ġranet li ġejjin se nkunu qed ninstallaw il-lifts ħalli min irid juża dan il-pont, jista’ jaċċessah kemm permezz ta’ ranep kif ukoll permezz ta’ liftijiet.”
Dan l-investiment ta’ aktar minn żewġ miljun ewro minn Infrastruttura Malta se jtejjeb l-ivvjaġġar bil-mixi, bit-trasport pubbliku, jew bir-rota, minn u lejn Ħal Luqa u l-Gudja, kif ukoll lejn postijiet oħra importanti fl-inħawi, bħall-Ajruport u l-Istitut għall-Istudji Turistiċi.
B’hekk, filwaqt li se jibbenefikaw dawk kollha li jimxu fl-inħawi, se jgawdu wkoll studenti u ħaddiema fl-Ajruport li issa għandhom post sigur minn fejn jaqsmu.
“Huwa pont li qiegħed fiċ-ċentru ħdejn l-Ajruport allura ħafna nies ħa jkunu qed jibbenefikaw anki kull min jgħaddi minn hawnhekk, diġà qed jara kemm mill-pedestrian crossings, mil-lights li hemm illum, kulħadd jaqsam u jgħaddi minnhom mela allura qegħdin nantiċipaw li ħa jkun hawn ħafna nies li jużawh.”
Dan il-pont fi Vjal l-Avjazzjoni huwa mistenni jkun lest u jibda jintuża mill-pubbliku fis-sajf li ġej.