Konsultazzjoni pubblika dwar abbozz ta’ avviż legali u linji gwida li għandhom l-għan li jtejbu s-servizzi di sjar Residenzjali Għal Persuni b’Diżabilità se ddaħħal ir-regolamentazzjoni tal-ħarsien soċjali f’era ġdida.
Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis saħaq li dawn l-istandards ġodda se jħarsu d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità u jgħollu l-istandards fir-residenzi filwaqt li jsir moniteraġġ tal-istess standards.
L-għan huwa li fir-residenzi, persuni b’diżabilità jingħataw l-istess kwalità ta’ ħajja daqslikieku qed jgħixu fi djarhom.
“Irridu li meta persuna b’diżabilità tmur tgħix f’dawn il-homes, f’dawn id-djar, ikollha l-istess standards u l-istess ambjent u tgħix b’dinjità bi kwalità għolja qisha għadha tgħix id-dar mal-familjari tagħhom. Irridu nserħu ras il-maħbubin, familjari, l-aħwa, li meta il-persuna b’diżabilità timxi u tagħmel dan il-pass se jkollha l-istess livell għoli ta’ ħajja, ħa jkollha l-istess integrazzjoni, ħa jkollha ħaddiema li jieħdu pjaċir jaħdmu f’dan l-ambjent.”
Il-kummissarju għad-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità, Oliver Scicluna, stqarr li dawn l-istandards huma ibbażati u jirrispettaw il-konvenzjoni għad-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità.
“Il-konsultazzjoni qed issir mhux biss mal-professjonisti u l-istakeholders li jaħdmu fil-qasam imam wkoll mal-persuni fosthom persuni b’nuqqas intelletwali li filfatt jgħixu f’dawn id-djar u dak huwa punt importanti. Hemmhekk qed naraw il-fatt li l-persuni b’diżabilità li jgħixu f’dawn id-djar u forsi l-quddiem se jmorru jgħixu f’dawn id-djar għandhom iċ-ċans jgħatu l-feedback tagħhom.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Istandards tal-Ħarsien Soċjali Matthew Vella qal li dan il-mudell prattiku se jservi ta’ gwida biex titjieb il-kwalità tas-servizzi offruti fil-qasam tal-Ħarsien Soċjali.
“Aħna bħala awtorità qed nistiednu lill-pubbliku inġenerali lill-persuni b’diżabilità, lis-service providers biex jgħatu l-opinjoni tagħhom, isemmgħu l-vuċi tagħhom għaliex aħna nixtiequ li dawn l-istandards verament iħallu impatt sinifikanti fil-kwalità ta’ ħajja ta’ dawn il-persuni.”