Il-Kor uniku Għawdxi Schola Cantorum Jubilate se jkunu qed jerġgħu jittrasformaw r-repertorju tradizzjonali tal-Milied, din id-darba f’kunċert virtwali bla ħlas li jħares is-saħħa ta’ kulħadd: Song Reborn.
Permezz tal-aħħar teknoloġija awdjo-viżiva, 3D mapping u repertorju mill-isbaħ, Song Reborn se jirrifletti fuq dak li għaddejjin minnu u joffri tama għal dak li ġej.
L-udjenza ser tkun tista’ tgawdi il-kunċert mill-karozza fi Pjazza Santu Wistin, ir-Rabat, Għawdex. Il-kunċert ta’ 45 minuta ser jittella’ darbtejn kull serata nhar it-22, 23, 26, 27, 28, 29 u 30 ta’ Diċembru 2020. L-ewwel kunċert jibda fis18.00 u l-ieħor fit-20.00.
Ir-repertorju jinkludi innijiet tal-Milied popolari u oħrajn inqas magħrufa, kif ukoll numru bil-Malti. Uħud mill-għanjiet ġew irranġati mill-kompożitur residenti tal-kor Paul Portelli u minn Emese Toth.
Schola Cantorum Jubilate, l-SCJ Children’s Choir u l-SCJ Teenage Boys Singers se jkunu akkumpanjati mill-Cordia String Quartet u mill-pjanisti tal-kor stess taħt id-direzzjoni ta’ Marouska Attard.
L-attur Malti Davide Tucci ser ikun ukoll qed jieħu sehem f’din il-produzzjoni.
Song Reborn huwa bbażat fuq l-esperjenza tal-komunità, iżda wkoll fuq l-evalwazzjoni personali li ġiet ġġenerata mill-pandemija u t-twelid mill-ġdid tagħna hekk kif kellna nadattaw għal realtà ġdida.
Iktar importanti, il-kunċert se jevoka s-sbuħija u l-qawwa tal-mużika u l-abilita’ tagħha li ttaffi l-piż tal-ħajja.
Irriserva l-ispazju tal-karozza tiegħek fuq is-sit booking.scjchoir.com, billi tibgħat imejl fuq booking@scjchoir.com jew billi ċċempel fuq 79450950.
Dan l-avveniment qed jittella’ bil-kollaborazzjoni tad-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.