L-Awtorità għat-Turiżmu rrevokat l-liċenzja tal-aġenzija tal-ivvjaġġar A.P.C. Travel Bureau wara li fl-aħħar xhur naqset milli tonora l-obbligi tagħha ma’ bosta klijenti li kienu bbukkjati biex jivvjaġġaw ma’ din l-aġenzija.
Fost dawk li qed jgħidu li ngidmu u spiċċaw baqgħu l-art mingħajr ma qabdu ajruplan u marru għal ġita li kienu ilhom jistennew kien hemm sitt anzjani.
Ma’ ONE NEWS waħda mill-anzjani spjegat kif kellhom kollox lest biex f’wieħed mis-Sibtijiet ta’ Ġunju jitilqu lejn l-Ungerija, u l-għada kellhom imorru fuq vapur li kien se jdawwarhom ma’ xmara.
Spjegat kif tlett ijiem qabel, il-vjaġġ spiċċa fi ħmar il-lejl meta ġew infurmati li kollox ġie kkanċellat:
“L-Erbgħa filgħodu, ċemplitilha u qaltilha, qaltilha, tħassar kollox. Tħassar kollox? Għandna kollox ippakjat! U ħa ngħidlek jiena ċertu affarijiet tagħmel naqra spejjeż żejda ħa tieħu dik, ħa tieħu l-oħra.”
Dwar dan il-każ one news ċempel lid-direttur maniġerali tal-aġenzija Claire Ward Coppola wara li żar il-ħanut tagħha fir-Rabat u sabu magħluq. Mistoqsija dwar bosta ilmenti li saru kontrihom, is-Sinjura Coppola qalet li mhux se jappellaw mid-deċiżjoni tal-awtorità.
Segwi :