Il-bużnannu tagħha miet fl-irvellijiet tas-Sette Giugno u minkejja li għaddew iżjed minn mitt sena, din il-ġrajja tibqa’ waħda li tnissel dieqa fiha.
Din hija Maria Grech, li l-bużnannu tagħha kien Karmenu Abela magħruf bħala ‘il-Paddy’ mill-Belt li nqatel b’daqqa ta’ bajunetta f’żaqqu fl-irvellijiet tas-Sette Giugno.
Abela qala’ d-daqqa li swiet ħajtu l-Ħadd 8 ta’ Ġunju tal-1919 u Maria tgħidilna li huwa qalaha m’għand is-suldati Ingliżi intortament, f’nofs xena kaotika f’nofs il-Belt.
“Hu ma marx biex jiġġieled Carmelo, hu mar ifittex lill-ibnu, wieħed minnhom kien daħal il-Belt, iż-żiju Spiru u hu ħareġ ifittxu u f’daqqa u l-ħin qala’ daqqa ta’ bajonetta u ma kienx miet mal-ewwel, kien miet wara xi sebat’ijiem.”
F’dawn l-irvellijiet il-Maltin minn kull klassi fis-soċjetà telgħu l-Belt sabiex jagħtu l-appoġġ lill-Assemblea Nazzjonali mmexxija mit-tabib tar-ruħ Filippo Sciberras, fejn kellha titfassal kostituzzjoni ġdida biex imbagħad jgħadduha lill-Gvern Ingliż.
Dak iż-żmien, il-poplu Malti kien qed isofri minn diversi inġustizzji, mhux biss politiċi iżda anki soċjali.
Il-prezz tal-ħobż kien għoli infern, il-qgħad kien għoli wara t-tmiem tal-ewwel gwerra dinjija u l-Ingliżi ħaduha bil-lajma biex jilħqu l-aspirazzjonijiet politiċi tal-Maltin.
L-irvellijiet ma kinux biss fil-Belt iżda fil-kapitali seħħet it-traġedja.
Is-Sibt 7 ta’ Ġunju seħħew l-ewwel traġedji.
L-Ingliżi fetħu n-nar fuq il-folla.
Dakinhar dawk li rvellaw attakkaw l-istamperija tal-gazzetta favur l-Ingliżi, The Daily Malta Chronicle u attakkaw l-imħażen tal-qamħ fosthom dik ta’ Cassar Torregiani.
L-għada, il-Ħadd, xi Maltin reġgħu telgħu l-Belt biex ifakkru l-ħajjiet ta’ ħuthom, iżda seħħ l-każ fejn Karmenu Abela weġġa’ gravi u miet ġimgħa wara fl-isptar Ċentrali fil-Furjana.
Maria Grech qalet magħna kif fi tfulitha tiftakar lin-nanna tagħha tirrakkonta li ta’ erbatax-il sena għaddiet mit-telfa ta’ missierha.
“Konna anke ġieli nibku meta konna tfal għax konna naraw lin-nanna bid-dmugħ nieżel u dejjem tirrepetielna. Konna ngħidulha għaliex qed tibki, konna żgħar ħafna. Kienet qaltilna xi tħoss meta ħareġ id-daddy u ma daħalx u ġie maqtul kif ġie. Allura aħna dejjem tirrepetilna u tibki u aħna qisna bqajna, tgħid qatluhulna u hekk hu, u dejjem bqajna nitkellmu.”
Grech spjegat li familtha għadha tfakkar il-memorja tal-qarib tagħhom, billi tmur titfa’ l-fjuri fuq il-qabar tiegħu fiċ-ċimiterju tal-Addolorata.
Il-ġrajja tas-Sette Giugno għaddiet, kienet ġrajja li fiha l-Maltin għall-ewwel darba urew sentiment b’saħħtu kontra l-ħakma Ingliża.
Minn dakinhar il-qagħda tal-Maltin tjiebet xi ftit.
L-Ingliżi ssussidjaw il-prezz tal-ħobż, bdew joħolqu x-xogħol u tawna Kostituzzjoni li fissret ukoll it-twelid tal-Parlament Malti.
Iżda l-Maltin ħallsu b’ħajjithom.
Wenzu Dyer, Ġużeppi Bajada, Manwel Attard u Karmenu Abela strieħu fis-sliem.