Ilbieraħ filgħaxija instabet l-ħames bejta ta’ fekruna ta’ dan l-istaġun fil-Ġnejna minn membru tal-pubbliku.
Dan tħabbar fi stqarrija konġunta mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA u Nature Trust Malta.
Fil-fatt intqal li din is-sena il-pajjiż ra numru rekord ta’ bejtiet attivi fl-istess ħin, b’ħames bejtiet attivi fir-ramla tal-mixquq, il-Ġnejna u Ramla l-ħamra.
L-uffiċjali tal-ERA marru minnufih fuq il-post u kkoordinaw ma’ Nature Trust Malta biex iż-żona tiġi mħarsa.
Il-pubbliku huwa mfakkar li huwa essenzjali li jekk fekruna tintlemaħ, ma għandhom isiru l-ebda interazzjonijiet magħha. Il-pubbliku ġenerali huwa mħeġġeġ jaġixxi b’mod responsabbli peress li l-istorbju eċċessiv, trampling u d-dawl qrib iż-żona tat-tbejjit jistgħu jkunu ta’ theddida għall-bajd tal-fkieren u kwalunkwe frieħ.
L-ERA tixtieq tirringrazzja lill-pubbliku għall-appoġġ u l-kooperazzjoni tiegħu waqt avvenimenti bħal dawn, u tħeġġeġ lill-pubbliku biex immedjatament jirrapporta kwalunkwe osservazzjoni ta’ attività tal-fekruna lill-ERA fuq it-telefown fuq 2292 3500 jew permezz tas-sistema onlajn tal-customer care tagħha, jew lill-NTM bit-telefown fuq 9999 9505.