Wara daqqa ta’ martell għal tliet darbiet mill-ħaddiem tal-kuntrattur, il-magna bdiet tħaffer u fi ftit minuti tniffdet parti oħra mill-mina bejn Ta’ Qali u Pembroke.
Dan ifisser li issa, aktar minn 50% tal-proġett, li jiswa madwar €30 miljun, huwa lest.
Permezz ta’ dan il-proġett, l-ilma li jasal fil-vitien tad-djar ta’ għexieren ta’ familji Maltin u Għawdxin, mistenni issa jkun b’togħma itjeb u kwalità aħjar.
“Qegħdin naħdmu biex innaqsu l-użu tal-chlorine fl-ilma minkejja li aħna, anke skont id-direttivi tal-Unjoni Ewropea, qedgħin ħafna baxxi fejn tidħol kimika nixtiequ li nkomplu innaqssuha. B’hekk titjieb il-kwalità u anka it-togħma tal-ilma ikun ferm itjeb milli forsi huwa llum f’ċertu postijiet fiċ-ċentru ta’ Malta.”
Il-proġett tal-mina mistenni jasal fi stadju avvanzat u lest biex jiffunzjona sa nofs is-sena d-dieħla, bil-Perit tal-proġett Mario Balzan jispjega li madwar tliet elef tunnellata ta’ pajpijiet se jkunu qed jiġu nstallati fix-xogħlijiet ta’ taħt l-art.
“L-ilma (kif qal il-Ministru qabli) se jiġi trasportat minn Pembroke għal Ta’ Qali u minn Ta’ Qali jiġi imħallat mal-Groundwater hemmek ikun hemm distribution għal dik l-area u fejn qegħdin aħna se jkun hawn pipe li sejjer faċċata li jibqa’ sejjer lejn San Ġwann b’800mm pipe.”
Waqt il-ftuħ ta’ din il-parti tal-mina kien hemm preżenti wkoll il-Kap Eżekuttiv għall-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma Ivan Falzon.