Il-Prim Ministru ppreżenta rekord ta’ kandidati għall-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali f’Għawdex.
Dalgħodu fin-Nadur, huwa saħaq li kważi nofs l-elettorat Għawdxi ma kienx se jeżerċita d-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet lokali li kieku l-Partit Laburista ma ppreżentax numru sabiħ ta’ kandidati.
Intant wara din il-preżentazzjoni, Dr. Muscat żar diversi lokalitajiet fejn l-Għawdxin tawh laqgħa sabiħa, naraw.
Fl-isfond tas-sbuħija tal-gżira tat-tliet għoljiet, is-Sibt filgħodu ġewwa n-Nadur il-Prim Ministru Dr. Joseph Muscat preżenta t-tim b’saħħtu li għandu l-Partit Laburista għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali f’Għawdex.
Bil-kandidati ħdejh, Dr. Muscat saħaq li l-Partit Laburista għandu disgħa u ħamsin kandidat għall-elezzjonijiet lokali fejn tnejn u għoxrin fil-mija minnhom huma nisa u tnejn u tletin fil-mija minnhom huma żgħażagħ.
“Għandna tim tajjeb li ġej minn kull qasam tas-soċjetà”, saħaq il-Prim Ministru li spjega wkoll kif in-numru ta’ kandidati huwa seba’ fil-mija iżjed minn qabel.
Il-Prim Ministru qal ukoll li fil-gżira tat-tliet għoljiet il-Partit Nazzjonalista prova jilgħab logħba bid-demokrazija billi ma ħariġx biżżejjed kandidati u kien grazzi għall-Partit Laburista li f’uħud mil-lokalitajiet se jsiru l-elezzjonijiet.
“Madwar 10,000 votant Għawdxin ma kienx ikollhom għalfejn joħorġu jivvutaw għall-Kunsilli Lokali. Qegħdin ngħidu kważi nofs l-eletturi ġewwa Għawdex kienu ħajiġu affettwati minn logħba politika illi pprova jagħmel il-Partit Nazzjonalista.”
Dr. Muscat spjega kif hemm numru ta’ Sindki u Kunsilliera Nazzjonalisti li din id-darba għażlu li ma jikkandidawx ruħhom għal darb’oħra mal-Partit Nazzjonalista.
Semma lokalità bħax-Xagħra li baqgħet sal-aħħar tistenna hux se jkollha biżżejjed kandidati biex issir elezzjoni wara li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista pruvat tagħmel manuvra politika.
Il-Prim Ministru għalhekk ħeġġeġ lil Għawdxin biex joħorġu jivvutaw u jsemmgħu leħinhom.
“L-eletturi Għawdxin jeħtieġilhom li jwieġbu u jistgħu jwieġbu l-votanti Għawdxin billi fil-25 ta’ Mejju illi ġej jivvutaw għall-kandidati kollha tal-Partit Laburista.”
Sadanittant wara l-preżentazzjoni tal-kandidati Għawdxin għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, il-Prim Ministru żar diversi lokalitajiet fejn ingħata laqgħa sabiħa mill-Għawdxin.
Fil-Munxar, mastrudaxxa li tkellem mal-Prim Ministru spjega kif huwa beda x-xogħol bħala passatemp iżda tant żdiedlu x-xogħol li se jkollu jkabbar l-operat tiegħu.
F’Għajnsielem u fil-Qala, l-Għawdxin laqgħu bil-kbir lil Prim Ministru u hu sema’ l-ħsibijiet tagħhom.