“Kelli 50 euro u għidt din l-aħħar tama tiegħi. Għamilt kważi tlett ijiem għaddej u din il-€50 tellajtha €30,000.
Dan huwa Thomas Mifsud li kien ilu mirkub mill-vizzju tal-logħob għal 15-il sena. Ma’ One News, Thomas, isem fittizju, semma kif il-kilba għall-imħatri waslitu biex jilgħab il-paga kollha; u minkejja li bl-aħħar ħamsin ewro li kellu rebaħ tletin elf ewro, spiċċa lagħabhom u tilfhom f’jumejn.
Thomas qalilna kif fl-età ta’ sittax-il sena, għamel l-ewwel imħatra tiegħu fejn lagħab lira fuq partita futbol li rebħitu għaxar liri:
“L-ewwel bet kont irbaħtha. Jidirli kont lgħabt Lm1 jew Lm2 Maltin. Bdejt naħseb li jien nifhem ħafna fil-football u ħsibt li dan ħa jkun mezz ta’ easy money. It-thrill li qed nara logħba football u l-fatt li rbaħtha ħolqot thrill.”
Għall-bidu, Thomas kien jilgħab il-flus kull tmiem il-ġimgħa. Madankollu, l-vizzju rikbu.
“F’qasir żmien bdejt niftakar ikun hemm logħob tac-champions league u uefa u hemmhekk bdejt inħoss l-effetti tal-logħob. Ix-xogħol dejjem irridha off fil-weekend, ikun hemm il-logħob matul il-ġimgħa, irridha off ukoll. Mhux konsegwenza biss finanzjarji- l-logħob sar beda jsir iċ-ċentru tal-ħajja tiegħi.”
Minkejja li kellu telf u rebħ, Thomas isemmi kif kien ikun irid iżid is-somma li jkun rebaħ.
“Jiena jekk nirbaħ mija nerġa’ nilgħabha kollha biex ikolli ħames mija ma kontx inkun kuntent dejjem irrid iktar.”
Din il-kilba waslitu biex ma bediex ilaħħaq mal-imħatri li beda jagħmel u daħal f’djun kbar.
“Xi tliet mija kien jigi l-kont fl-aħħar tax-xahar- kont nissellifhom tiġi l-paga u nħallashom lura. Meta ġejt 7,000 minn taħt kelli ħafna paniku. Għadni niftakarha ċara kważi qas xogħol ma ridt immur għax għidt qed immur ix-xogħol għalxejn.”
Kien wara li spiċċa bla saqaf fuq rasu, li Thomas intebaħ li għandu problema kbira.
“Darba partikolari li letteralment ma kellix fejn norqod għax il-familjari tiegħi bl-iskop li nagħmel xi ħaġa għalquli l-bieb u din id-darba partikolari ma kellix fejn noqgħod. Għaddej lejl l-isptar taparsi qed nistenna lil xi ħadd hemmhekk biex ikolli saqaf fuq rasi- kien l-itqal lejl li kelli imbagħad kien żammni ħabib tiegħi. U hemmhekk irrikorrejt ghall-għajnuna. Ċempilt fuq 1777- dak kien l-ewwel kuntatt għall-għajnuna.”
Bil-għajnuna tal-Fondazzjoni għal-Logħob Responsabbli, Thomas sab l-għajnuna meħtieġa u ilu kważi sena ’l bogħod minn din il-vizzju li kien ħadlu ħajtu.