Din hija Maya Boutaya, tifla ċkejkna ta’ 4 snin li għandha passjoni kbira lejn iż-żfin u l-mużika.
Il-ġimgħa li għaddiet Maya li għadha l-kundizzjoni tad-downsyndrome, ħadet sehem f’kompetizzjoni taż-żfin fl-Ingilterra u impressjonat lil kulħadd bit-talent tagħha.
Ferħana minn din l-esperjenza barra minn xtutna, iltqajna ma’ Maia fl-iskola taż-żfin f’waħda mil-lezzjonijiet.
L-għalliema tagħha Lisa Marie McGuinness qalet li Maya ilha sena u nofs titgħallem tiżfen. Iddeskrivieta bħala studenta ddedikata u enerġetika, b’potenzjal kbir daqs tal-istudenti l-oħra li daqsha jkunu ħerqana għal-lezzjonijiet.
Qalet li fil-kompetizzjoni Maya żifnet il-Waltz u Chacha: “She came with us and did incredible well. Biggest achievment she was included in everything with other students.”
Omm Maya, Glorianne qalet li bintha tħobb il-mużika u ż-żfin u bl-għajnuna ta’ kulħadd qiegħda toħroġ il-potenzjal kollu tagħha.
Glorianne spjegat: “Meta tiġi għaż-żfin tikkopera ħafna u turi li tħobb tiġri. Turin x’tgħallmet tkun qisha t-teacher tagħna. Waqt il-kompetizzjoni marret tajjeb ħafna.”
Filwaqt li għalissa Maya se tkompli titħarreġ iż-zfin, hija tinsab ottimista sabiex tipparteċipa f’kompetizzjoni oħra barra minn xtutna. Bil-ħsieb hu li fis-sajf tmur Blackpool tieħu sehem f’kompetizzjoni oħra u terġa’ tikseb unur għall-pajjiżna.