Kien bastiment li fi żmien it-tieni gwerra dinjija qeda dmiru biex ineħħi l-bombi li ntefgħu bla ħniena mill-qawwiet tal-assi u llum oġġetti mill-istess bastiment se jkunu esposti għan-nies wara donazzjoni sabiħa minn Charles De Micoli u ibnu Beppe.
Dawn taw donazzjoni ta’ għadd ta’ affarijiet lil Heritage Malta.
Il-bastiment huwa l-MV Lord Strickland, bastiment li kien xtara missier Charles wara l-gwerra m’għand l-ammiraljat Ingliż u li għamel xi żmien jintuża bħal vapur li kien ibaħħar bejn Malta u Sirakuża fi Sqallija.
Huwa stqarr: “Kien hemm l-opportunità li jixtru din l-idea bejn hu u żewġt iħbieb oħra tiegħu u xtraw dan il-vapur. Xtrawh bl-intenzjoni li jikkonvertuh fid-drydocks ta’ Malta għal passiġieri bejn Malta u Sirakuża.”
Il-bastiment imbagħad malajr biddel ismu u sar jismu Calypso. Kien il-baħħar leġġendarju Jacque Cousteau, li tah dan l-isem.
Ivan Cocker, mudellatur tal-bastimenti spjega kif Giuseppe De Micoli biegħ dan il-bastiment lil Cousteau u li kien jużah għall-avventuri u r-riċerka.
Huwa qal: “Jaque bidlu f’vapur oċjenografiku, prattikament kien laboratorju, tista’ tgħid laboratorju ta’ riċerka. Dar l-ibħra kollha tad-dinja, saħansitra baqa’ tiela’ anke l-Amażon kollu ra kwalunkwe tip ta’ elementi u sar leġġenda.”
Fost l-affarijiet li ingħataw bħala donazzjoni hemm tieqa, żewġ pompi tal-baħar, pompa tal-fjuwil, u ġabra ta’ ritratti ta’ dan il-bastiment.
Iċ-ċkejken t’għaxar snin Beppe De Micoli, in-neputi ta’ Giuseppe De Micoli, stqarr li jħossu kburi li b’dawn l-artifatti jista’ jaqsam l-istorja ta’ nannuh ma’ dawk li jżuru l-Mużew Marittimu fil-Birgu.
Huwa qalilna: “Every artifact has its own story so its kind of important for people to enjoy the artifacts and learn about them.”