Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne dalgħodu xegħel l-ewwel chiller minn 14 li se jkunu jifformaw parti mit-tagħmir meħtieġ għat-tħaddim ta’ arja kundizzjonata f’kull parti tal-Isptar Mater Dei. It-tagħmir il-ġdid se jkun qiegħed jieħu post dak li qed jitħaddem bħalissa u li kien ġie installat fis-sena 2003. Il-proġett huwa stmat li se jkun jiswa’ €6.5 miljun.
Id-Deputat Prim Ministru qal li filwaqt li kulħadd huwa konxju mill-eluf kbar li jużaw is-servizzi mediċi li l-Istat joffri mill-Isptar Mater Dei, x’aktarx li mhux daqshekk huma dawk li jirrealizzaw li fil-verità Mater Dei ma jikkonsistix biss mis-swali, kliniċi u teatri tal-operazzjonijiet. “Mater Dei tista’ tgħid li huwa villaġġ żgħir, mgħammar b’impjanti sofistikati li l-pubbliku inġenerali ma jarax, li jipprovdu mhux bis għas-servizzi mediċi imma wkoll biex il-pazjenti, il-qraba li jżuruhom kif ukoll il-ħaddiema kollha, minn fuq s’isfel, mediċi u mhumiex, ikunu f’ambjent tajjeb u komdu. Is-sistema ta’ chillers ġodda hija proġett stmat li se jkun jiswa’ €6.5 miljun u li huwa programmat li jkun qiegħed jiffunzjona kompletament sa tmiem din is-sena,” qal id-Deputat Prim Ministru. “Xiħaġa interessanti wkoll f’dan il-proġett huwa l-fatt li għall-ewwel darba l-Gvern mhux qiegħed sempliċiment jixtri biss l-apparat imma l-kuntratt jinkludi wkoll il-manutenzjoni u s-servicing tal-apparat għal perjodu ta’ 15-il sena,” sostna d-Deputat Prim Ministru.
Fiż-żjara tiegħu fuq il-post fejn qiegħed ikun installat dan it-tagħmir ġdid id-Deputat Prim Ministru ngħata l-aħħar informazzjoni dwar il-fażijiet tax-xogħol mid-Direttur tal-Inġinerija f’Mater Dei l-Ing. Noel Psaila. Huwa pjanat li l-proġett jitwettaq f’żewġ fażijiet, bl-ewwel waħda, dik attwali, tkun tikkonsisti fil-bdil ta’ seba’ chillers filwaqt li t-tieni fażi, il-bdil tal-kumplament taċ-chillers mistennija tibda lejn Novembru li ġej. Din it-tieni fażi, barra li matulha jkunu qegħdin jinbidlu seba’ chillers u ż-żewġ water-cooled chillers issir l-installazzjoni ta’ water-cooled chiller ieħor biex tiżdied il-kapaċità. Fil-preżent is-sistema tat-tagħmir tal-arja kundizzjonata għall-Isptar Mater Dei hija ffurmata minn 14-il air-cooled chiller u żewġ water-cooled chillers. Dawn tal-aħħar jintużaw biex isaħħnu l-ilma li jintuża fix-showers u fis-sinkijiet u b’hekk itaffu mill-piż fuq il-boilers. L-ilma kiesaħ jintuża biex titkessaħ l-arja li tkun qegħda tinġibed minn barra u li mbagħad tgħaddi għall-impjanti ta’ ventilazzjoni u apparat ieħor ta’ arja kundizzjonata.
Id-Deputat Prim Ministru ħa l-okkażjoni biex waqt iż-żjara fuq il-post fejn qed jitwettaq il-proġett iltaqa’ wkoll ma’ diversi ħaddiema li bħalissa għaddejjin bl-installazzjoni tat-tagħmir.