Tlestiet l-ewwel fażi tal-proġett tat-Triq taċ-Ċawsli bejn Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun u bdiet it-tieni fażi li tinkludi l-bini ta’ korsija ġdida għar-roti u passaġġ għall-mixi maġenb il-karreġġjata ġdida għall-karozzi li tlestiet ix-xahar li għadda.
Infrastruttura Malta qalet li fl-aħħar xhur il-karreġġjata li kienet twassal lejn iż-Żejtun ingħalqet u reġgħet inbniet fuq pedamenti ġodda. Ix-xogħol kien jinkludi t-tneħħija ta’ radam u floku saret struttura b’saħħitha magħmulha minn kważi 1,800 blokka tal-franka u 3,000 tunnellata konkos. Spegjat li f’Diċembru li għadda, il-karreġġjata ġdida ta’ żewġ korsiji ngħatat l-ewwel kisjiet ta’ asfalt.
Din il-karreġġjata nfetħet fid-direzzjoni miż-Żejtun lejn Ħaż-Żabbar, waqt li n-naħa l-oħra tat-triq ingħalqet biex tinbidel f’korsija għar-roti fiż-żewġ direzzjonijiet u passaġġ pavimentat għall-mixi. It-triq kollha se tinfetaħ fiż-żewġ direzzjonijiet qabel is-sajf, malli titlesta din il-fażi tal-proġett li qed issir b’investiment totali ta’ aktar minn €4 miljun. Fl-istess waqt se tiġi installata wkoll sistema ġdida ta’ dwal.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastruttura Malta Fredrick Azzopardi spjega li biex jitnaqqas ir-riskju tal-għargħar, saret sistema ġdida ta’ żewġ kilometri u nofs għall-ġbir tal-ilma tax-xita li tqabbdet ma’ ġibjun fil-post. Fil-ġenb inbena wkoll ħajt tas-sejjieħ biex jifred it-triq mill-għelieqi li hemm biswitha. Biex tissaħħaħ id-distribuzzjoni tas-servizzi, tpoġġew aktar minn tliet kilometri ta’ pajpijiet ġodda għas-servizzi tal-ilma, dawl u telekomunikazzjoni, kif ukoll katusi ġodda għad-drenaġġ.
Intant, il-pajsaġġ fejn issa hemm is-siġar taċ-ċawsli se jibqa’ hemm biex jifred il-karreġġjata tal-karozzi mill-parti tat-triq li se tkun apposta għar-roti u l-mixi. Dan filwaqt li se jitħawlu 21 siġra oħra taċ-ċawsli.