Dun Anton Teuma ġie ordnat bħala d-disa’ Isqof ta’ Għawdex. Dan hekk kif il-Ġimgħa wara nofsinhar saret il-Konsagrazzjoni Episkopali fil-Knisja ta’ San Ġwann fix-Xewkija, Għawdex.
Din il-Konsagrazzjoni bdiet għall-ħabta tal-ħamsa u nofs ta’ wara nofsinhar b’purċissjoni minn barra l-Knisja ta’ San Ġwann.
Kien għall-ħabta tas-sitta u nofs, x’ħin l-Isqof elett intefa’ għal tulu mal-art, sabiex tinqara l-Litanija u ftit wara bdiet id-dilka biż-żejt, fejn hemmhekk uffiċjalment Dun Anton Teuma sar Isqof ta’ Għawdex.
Fuq wiċċ l-Isqof il-ġdid dehret emozzjoni liema bħalha, u n-nies preżenti fil-Knisja nfexxew f’ċapċipa kbira x’ħin l-Isqof Teuma għannaq lill-predeċessur tiegħu, Mons. Mario Grech. L-Isqof Teuma ngħata l-baklu u l-mitra bħala sinjal li huwa r-ragħaj tad-Djoċesi ta’ Għawdex.
Preżenti għal din il-Konsagrazzjoni Episkopali kien hemm il-President ta’ Malta George Vella, il-Prim Ministru ta’ Malta Robert Abela, il-Ministru għall-Għawdex Clint Camilleri, il-Ministru għall-Agrikultura Anton Refalo, flimkien mal-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna u n-Nunzju Appostoliku Alessandro D’Errico.
Intant, il-Prim Ministru Robert Abela awgura lil Dun Anton Teuma. Il-Prim Ministru Abela saħaq kif l-umiltà u d-determinazzjoni tal-Isqof il-ġdid Għawdxi se jkunu importanti għall-gżira Għawdxija f’dawn il-mumenti ta’ sfida.