Għexieren ta’ tfal b’kostumi ta’ kull tip u ta’ kulur, il-banda u karrijiet żgħar tal-karnival il-Ġimgħa filgħodu ħarġu fit-toroq ta’ Ħal Għaxaq fejn flimkien ħolqu atmosfera ta’ ferħ u bluha li dan iż-żmien iġib miegħu.
ONE News tkellem ma’ diversi tfal li jattendu l-Iskejjel Primarji ta’ Ħal Għaxaq u Birkirkara, fejn ħerqana u bi tbissima fuq fommhom qalulna x’kostum lebsin, uħud ta’ xi karratru u oħrajn b’kostum oriġinali.
Il-Kap tal-Iskola ta’ Ħal Għaxaq Alexandra Vella, li ma qagħditx lura milli tilbes kostum, qalet ma’ dan l-istazzjon li l-karrijiet kollha u l-kostumi huma kollha magħmulin minn materjal riċiklat u li għandhom tifsira.
U mal-Kap tal-iskola u mat-tfal, b’kostumi kkuluriti, ingħaqdu wkoll l-għalliema u l-ġenituri tagħhom, għax kif jgħid il-Malti, darbtejn insiru tfal!
Il-Kap tal-Iskola, Alexandra Vella sostniet: “Ngħaqdu dan il-Karnival ma’ affarijiet edukattivi, eżempju l-karrijiet li jagħmlu l-għalliema ikun fihom ukoll slogans li jkunu eżempju kontra l-bullying u huwa wkoll imdaħħal fil-pjan tal-eko skola għaliex ħafna mill-affarijiet li qed taraw huma magħmuli minn riċiklaġġ u anke kostumi.”
Intant, għal din l-attività attendew ukoll il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici flimkien mal-Ministru Carmelo Abela.
Huma saħqu kif f’Ħal Għaxaq il-kultura tal-Karnival hi ħajja ħafna u jeħtieġ tibqa’ tisseddaq fost iċ-ċkejknin.