F’dan iż-żmien straordinarju li qed ngħixu, il-ħaddiema taċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid ħejjew filmat b’messaġġ ta’ kuraġġ għal dawk kollha li jinsabu magħluqin f’darhom.
Nies li qed jaħdmu lejl u nhar biex jiġġieldu l-imxija tal-Coronavirus f’pajjiżna.
Fil-filmat tidher il-ħidma bla preċedent ta’ dawn il-ħaddiema, minn tobba għal infermiera għal sewwieqa tal-ambulanzi u saħansitra uffiċjali tal-Pulizija li jikkordinaw il-ħidma magħhom fil-lokalità.
Jispikkaw xeni ta’ toroq siekta u bla ħoss b’kuntrast għal kif kienu jkunu ftit ġimgħat ilu mimlija attività.
B’mużika magħżula bi ħsieb fl-isfond, jitwassal il-messaġġ biex bħalma l-ħaddiema tas-saħħa mhux jaqtgħu qalbhom u qed jiġġieldu għall-ġid tas-saħħa tal-poplu Malti, hekk ukoll dawk magħluqin fi djarhom għandhom jagħmlu kuraġġ.
Jispikkaw ukoll xeni ta’ anzjan waħdu f’daru u allura l-importanza li nipproteġu lil dawk vulnerabbli fis-soċjetà tagħna ħalli noħorġu minn dan il-mument kemm jista’ jkun malajr u ma ndumux ma nkunu nistgħu nerġgħu ngawdu lill-għeżież tagħna.