Fil-jum li mmarka xahrejn mindu r-ristoranti u l-istabbilimenti tal-ikel f’pajjiżna kellhom jagħlqu l-bibien tagħhom minħabba l-imxija tal-Coronavirus, l-istess negozji raw xaqq ta’ tama hekk kif mill-Ġimgħa, 22 ta’ Mejju, se jkunu jistgħu jerġgħu jibdew jilqgħu n-nies, anki jekk f’normalità ġdida u b’miżuri ta’ prekawzjoni.
F’kummenti ma’ dan l-istazzjon, mumenti wara li tħabbru protokolli ġodda u linji gwidi li jridu jiġu segwiti fil-ġranet li ġejjin, is-Segretarju tal-Assoċjazzjoni tal-Catering Matthew Pace – li huwa wkoll sid ta’ numru ta’ ristoranti – spjega li dawn ix-xahrejn kienu ibsin ħafna.
Huwa stqarr: “Ix-xahrejn li għaddejna minnhom kienu litteralment kalvarju, jiġifieri dehru ħafna iktar speċjalment meta tkun għaddej bl-operat u l-impjegati jiġifieri bħala Assoċjazzjoni, nirringrazzjaw ħafna l-awtoritajiet u s-sinerġija li kien hawn bejn kulħadd, banek, suppliers, sidien tal-kera, issa importanti li niġu lura għan-normal u noħolqu dak l-aspett pożittiv biex jekk Alla jrid, f’qasir żmien niġu business as usual.”
Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Lukandiera u sidien tar-Ristoranti Tony Zahra laqa’ t-tnaqqis fir-restrizzjonijiet, u spjega li din kienet kwistjoni ta’ meta u kif.
Is-Sur Zahra qal: “Il-meta issa nafu li se jiġi nhar il-Ġimgħa li se niftħu u aħna kuntenti ħafna li se nerġgħu naraw xi normalità ġejja lura għas-settur tal-ospitalità, u issa l-kif se niftħu. Il-kif għadhom kif ħarġu d-direttivi, il-protokolli, u aħna qed narawhom biex naraw li l-protokolli huma korretti u kif nixtiquhom aħna.”
Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ David Xuereb iddeskriva t-tnaqqis fir-restrizzjonijiet bħala pass fid-direzzjoni t-tajba, li se jassigura serħan il-moħħ lil min jopera u lill-pubbliku.
Hu sostna: “Naħseb li kien pass fid-direzzjoni t-tajba. Tajjeb ukoll li ġie mħabbar ilbieraħ jiġi launched nhar il-Ġimgħa u mhux mil-lum għall-għada, naħseb dik hija xi ħaġa tajba wkoll. Fuq il-guidelines ovvjament għadna qed nistudjawhom, feedback mingħand il-membri għadna qegħdin naraw, żgur huwa li dawn il-guidelines jgħinuna biex il-miżuri ta’ dixxiplina u ta’ dak kollu li għandna bżonn nagħmlu biex meta niftħu, niftħu b’mod sostenibbli u fit-tul.”
Konxju li d-deċiżjoni tar-rilaxx ta’ ċertu miżuri ma kinitx faċli, il-Viċi-President tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, Marcel Mizzi, laqa’ t-tnaqqis fir-restrizzjonijiet, anki fil-kuntest li n-negozji kienu taħt pressjoni kbira.
“Din mhix sitwazzjoni normali, spejjeż ġodda per eżempju – is-sanitizers, il-maskri, li jieħdu t-temperatura, id-disinfectants, il-menus disposable sauces u hekk, irridu nżommu f’moħħna li probabbli, ħafna mill-operaturi – il-hairdressers u speċjalment ir-ristoranti – fil-bidu ħa jaħdmu b’telf jiġifieri l-assistenza li qed tingħata, m’hemmx dubju li għalissa trid tkompli tingħata”, qal is-Sur Mizzi.
Ilkoll tennew li dawn huma ċirkostanzi straordinarji, u kollox irid isir b’paċenzja u dixxiplina, kemm mill-pubbliku u anki min-negozjanti.