Hekk kif qed joqrob it-tmiem ta’ sena oħra, żgur mhux forsi li ħafna jkunu qed jaħsbu x’se jixtru bħala rigal għall-Milied, speċjalment għat-tfal jew lil qrabatu. Mhux l-ewwel darba li wieħed jgħid li jixtieq qattus jew kelb, iżda minkejja dan, l-adulti għandhom jaħsbuha darbtejn qabel jagħtu annimal bħala rigal.
Biex teduka aktar dwar dan, is-santwarju l-MSPCA nieda kampanja biex joħloq aktar għarfien dwar l-importanza li wieħed jevita li jagħti annimal bħala rigal tal-Milied.
B’filmat informattiv, li jdur madwar pupu li jissimbolizza l-ħajja ta’ kelb li jingħata bħala rigal meta jkun għadu ġeru, juri kif bil-konsegwenza ta’ dan, jispiċċa abbandunat meta jgħaddu l-festi u l-ferħ tal-mument.
L-istess filmat joħloq għarfien dwar kif l-annimali m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala rigal għaliex iġibu rabta magħhom, li kultant hemm min ma jaħsibx dwarha minn qabel.
L-MSPCA spjega kif matul dawn iż-żminijiet, is-santwarji jesperjenzaw żieda ta’ annimali li jispiċċaw abbandunati u mingħajr dar, proprju minħabba din ir-raġuni.
Minkejja r-responsabbiltà li jġibu magħhom, il-filmat juri wkoll kif l-annimali joffru biss imħabba u għalhekk qabel xi ħadd jikkunsidra li jġib annimal bħala parti mill-familja tiegħu, l-ewwel għandu jara jekk hux kapaċi jżommu.
L-MSPCA huwa ċentru li jsalva l-annimali bil-għan li jagħtihom ċans għal ħajja aħjar ma’ familja li hi adattata għalihom.
Kull min hu interessat li jagħti donazzjoni biex tgħin fl-operat tal-MSPCA jista’ jagħmel dan billi jidħol fuq is-sit tal-MSPCA jew billi jibgħat donazzjoni diretta fil-kont bankarju tagħhom.
Agħti d-donazzjoni tiegħek fuq: https://www.maltaspca.org/donate-3/ jew permezz ta’ BOV quick pay: 79530468