“Forsi lili jarawni bħala mara, Diane, imma iva jiena għaddejt minnha u llum għaddew ħames snin, u għadni hawnhekk f’saħħti iktar minn qatt qabel illum il-ġurnata u nagħti messaġġ li ma naqtgħux qalbna, nagħtu l-messaġġ li ovvjament hawn il-kura u nistgħu nfiequ wkoll”.
Kien b’dan il-kliem li l-imprenditriċi Diane Izzo iddiskreviet il-ħajja tagħha wara li rebħet il-ġlieda kontra l-kanċer tas-sider. Is-sinjura Izzo tkellmet dwar din l-esperjenza li mmarkatilha ħajjitha waqt attività li matulha tħabbru d-dettalji dwar il-Pinko Pink Ball, li se jittella fis-sebgħa u għoxrin ta’ Ottubru li ġej.
Kienu ftit dawk li kienu jafu li Diane, minbarra li hija attivista dwar l-għarfien fuq il-kanċer tas-sider, għamlet perjodu ta’ żmien maħkuma minn dan il-kanċer qerriedi.
“Ovvjament niġġieldu din il-battalja li jien ukoll għaddejt minnha. Illum iddeċidejt li noħroġha u nkun spontanja u biex nagħti kuraġġ lil dawk li hemm hemm barra”.
Hija saħqet dwar l-importanza li n-nies jieħdu l-prekawzjonijiet kollha sabiex tonqos kemm jista jkun il-possibilità li jfeġġ il-kanċer fis-sider jew inkella jinqabad fi stat kmieni ħafna.
“Għalhekk importanti li niċċekkjaw ruħna, nagħmlu l-iscreenings li hemm bżonn ħalli ovvjament jekk ikun hemm xi problema taqbduwa mill-bidu”.
Il-ballu Pinko Pink Ball huwa l-aħħar avveniment għal Pink October u ta’ din is-sena u se jsir fil-barracks tal-Forzi Armati ta’ Malta, bil-għan li jinġabru iżjed fondi li jintużaw biex jiġu mgħejjuna diversi pazjenti milquta mill-kanċer tas-sider. Dwar dan ONE News tkellem mas-sinjura Michelle Muscat.
“The Pinko Pink Ball huwa ballu li ħa jkun qiegħed jagħlaq il-kampanja Pink October 2018. Hija xi ħaġa sabiħa, avveniment li l-għan tiegħu hu li nieħdu pjaċir, imma wkoll li ngħalqu dil-kampanja b’messaġġ pożittiv”.
Il-Banda tal-Forzi Armati se ddoqq matul is-serata kollha, bil-parteċipazzjoni tal-aqwa talent Malti. Għal iktar dettalji il-pubbliku huwa mħeġġeġ iżur is-sit pinkoctober2018.com.